Lokali
Il-Batterija ta’ Wied Musa tħalliet għal riħha u fi stat ta’ abbandun

Negozjati bejn il-Gvern u l-privat biex post storiku fil-Marfa, b’veduti mill-isbaħ tal-fliegu, jinbidel f’boutique hotel jidher li ma wasslux għal konklużjoni. Fi żjara li krew ta’ Television Malta għamel lill-batterija ta’ Wied Musa, sibna binja fi stat ħażin ħafna.

Minn quddiem din il-binja fil-Marfa jgħaddu eluf ta’ nies kuljum fi triqithom minn u lejn Għawdex. Moħbija mit-triq u tħares lejn Kemmuna hemm batterija li nbniet bħala fortifikazzjoni tal-kosta fl-1715 fuq parir ta’ inġiniera Franċiżi lill-Kavallieri bil-ħsieb li l-għadu ma jkollux inżul faċli fuq il-kosta u b’hekk ikun hemm aktar żmien biex tkun organizzata aħjar id-difiża madwar il-portijiet tal-Belt.

Il-batterija nofs tond kellha pjattaforma għal kanuni u binja fuq wara. Ma kinetx tkun mgħassa is-sena kollha, iżda suldati kienu jintbagħtu meta jkun hemm xi biża ta’invażjoni. Stanley Farrugia Randon uffiċjal mill-għaqda din l-Art Ħelwa qal li l-batterija kien armata b’erba’ kanuni li kienu jisparaw balal ta’ 8 libri ‘l waħda. Mal-batterija, fis-seklu dsatax il-binja tkabbret għal kif tidher illum.

“Fi żmien l-Ingliżi bdiet tintuża bħala residenza għall-markiż ta’ Hastings. Wara bdiet tintuża wkoll bħala lukanda u biż-żmien bdiet tintelaq u reġgħet bdiet tintuża ukoll għal xi retreat house. Niftakar meta kont iżgħar kont niġi mal-Ġiżwiti hawnhekk.”

Iżda biż-żmien tħalliet għal riħha u minħabba l-post fejn tinsab, esposta għall-elementi, saritilha ħafna ħsara. Hemm soqfa neqsin, xorok imkissra, u kif rajna b’għajnejna mtliet b’ammont kbir u varjat ta’ skart. Affarijiet bħal dawn ma jagħmlux ġieħ lill-istorja.

“Ma rridux ngħatu dejjem prijorità lill-kostruzzjoni imma hemm ħafna postijiet li jistgħu ikunu ta’ benefiċċju għall-ekonomija ta’ Malta għax xorta trid ħaddiema biex jirrestawrawhom dawn il-postijiet u fl-istess ħin jitgawdew mill-poplu u huma wkoll sors ta’ informazzjoni u sors kulturali ħafna kemm għalina l-maltin ki fukoll għat-turisti li jżuruna.”

Sitt snin ilu, il-Gvern kien beda diskussjonijiet ma’ kumpanija privata biex il-binja tinbidel boutique hotel Jidher li dawn in-negozjati ma mmaterjalizzawx. Ma’ Television Malta, kelliema għall-Awtorità tal-Artijiet ma rreferietx għal din il-proposta. Qalet biss li l-awtorità għadha qed tevalwa l-potenzjal tal-binja u kif l-aħjar tiġi sfruttata.

Kelliem għall-Awtorità tal-Ippjanar qal li l-Batterija ta’ Wied Musa ilha skedata fl-ogħla grad mill-1995. Madwar il-batterija hemm ukoll żona ta’ lqugħ li ukoll hija skedata biex tipproteġi l-Batterija u l-kuntest tagħha. Żied jgħid li fiż-żona ta’ lqugħ hemm erba’ strutturi ta’ difiża tat-tieni gwerra dinjija, li kollha huma skedati fit-tieni grad.