Politika
Il-bdiewa m’għandhomx iħallsu għall-falliment tal-Gvern fl-iskart – Il-Kap tal-PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li l-bdiewa m’għandhomx iħallsu għall-falliment tal-Gvern fl-immaniġġjar tal-iskart. F’attività poltika f’Għawdex, Dr Delia qal li l-protesta tal-bieraħ fil-Magħtab minn bdiewa, residenti u attivisti turi kemm għall-gvern is-settur tal-biedja huwa irrelevanti. Il-Kap Nazzjonalista rrefera wkoll għat-tmexxija ta’ tliet sptarijiet mill-privat u qal li l-Oppożizzjoni mhix se tippermetti li l-barranin jibqgħu jisirqu lill-familji.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jisma mill-Oppożizzjoni u jwaqqaf il-kuntratt li kien sar ma’ Vitals Global Healthcare għat-tmexxija ta’ tliet sptarijiet. Dr Delia qal li l-Prim Ministru għandu jara li min seraq lin-nies jieħu dak li ħaqqu u jiġbor il-flus żejda li tħallsu biex issir ġustizzja.

Il-Kap Nazzjonalista qal li Vitals kienu wegħdu investiment kbir fil-qasam tas-saħħa f’Għawdex iżda kull ma għamlu hi ħofra. Qal li waqt li l-kumpanija kienet qed tfalli, il-Kap Eżekuttiv, Ram Tumuluri, ta lilu nnifsu bonus ta’ €5 miljun. Kompla li l-kumpanija li ħadet il-kuntratt tal-konċessjoni wara Vitals, Steward Health Care, issa qed jitolbu lill-gvern €18 miljun. Qal li l-Maltin u l-Għawdxin huma kapaċi li jmexxu ‘l quddiem is-settur tas-saħħa.

Dr Delia qal li l-Gvern jinsab maqsum dwar dan il-kuntratt li qal qed jisraq lill-poplu kuljum. Tenna li jekk dan ma jitwaqqafx, il-Kabinett kollu jkun personalment responsabbli għal dik li sejjaħ l-ikbar serqa fl-istorja ta’ Malta.

Il-Kap Nazzjonalista rrefera għall-protesta mill-bdiewa, residenti u attivisti fil-Magħtab. Qal li d-deċiżjoni tal-Gvern li jesproprja 400 tomna art biex ikabbar il-faċilitajiet tal-Wasteserv turi kemm il-Gvern ma jimportahx mis-settur tal-biedja. Irrimarka li wara sitt snin ta’ telqa fl-immaniġġjar tal-iskart, il-Gvern jinsab f’paniku biex isib soluzzjoni għall-problema li ġab hu stess. Konsegwenza t’hekk, qal Dr Delia, il-bdiewa se jħallsu għall-fallimenti tal-Gvern. Il-Kap Nazzjonalista tenna li se jkun qed jisma’, jitkellem u jiltaqa’ mal-bdiewa u jtella’ din il-kwistjoni fl-aġenda nazzjonali.

F’Għawdex, fejn il-Partit Nazzjonalista laqqa’ l-ewwel assemblea għall-kunsilliera bi tħejjija għall-aġġornament tal-istatut, Dr Delia qal li r-riforma u tiġdid ma jinkludux biss emendi fl-istatut, imma tiġdid biex il-Partit Nazzjonalista jsir dejjem aktar partit tan-nies. Radd ħajr lill-Avukat Marthese Portelli għall-ħidma tagħha fil-partit u fil-Parlament, u awguralha li tkompli b’ħidma fil-partit.