Barranin
Il-belt ta’ Liverpool titlef l-istatus ta’ Sit ta’ Wirt Dinji

Il-UNESCO neħħiet lill-belt ta’ Liverpool mil-lista ta’ Siti ta’ Wirt Dinji wara tħassib fuq l-iżviluppi li qed isiru max-xatt.

L-għaqda fi ħdan in-Nazzjonijiet Maqgħuda hija responsabbli mill-edukazzjoni, ix-xjenza u l-kultura.

Fost it-tħassib muri kien hemm dak dwar il-bini tal-grawnd il-ġdid tal-klabb tal-futbol Everton liema xogħol mistenni jibda fis-26 ta’ Lulju.

Is-Sindku ta’ Liverpool Joanne Anderson esprimiet id-diżappunt tagħha u fost oħrajn qalet li l-UNESCO tippreferi li Bramley Moore Dock jibqa’ abbandunat milli jiġi żviluppat fi grawnd tal-futbol.

Il-belt ta’ Liverpool kienet inkluża fil-lista ta’ Siti ta’ Wirt Dinji fl-2004 u saret it-tielet sit li tilfet dan ir-rikonoxximent.

Iż-żewġ siti l-oħra kienu l-Arabia Oryx Sanctuary fl-Oman u l-wied ta’ Dresden Elbe li tneħħew mil-lista fl-2007 u fl-2009 rispettivament.

Il-UNESCO ilha mill-1978 tinkludi postijiet madwar id-dinja fil-lista ta’ siti meqjusin ta’ wirt dinji.