Milied
Il-Belt imdawla għal Milied differenti

Ħames ġimgħat bil-ġurnata ‘l bogħod mill-Milied, inxtegħel id-dawl dekorattiv f’toroq u pjazez ewlenin fil-Belt. Il-Belt libset il-libsa tal-Milied, anke jekk dan mhux se jkun bħal kull Milied ieħor kawża tal-pandemija.

Qabel iċ-ċerimonja li fiha nxtegħlu Triq ir-Repubblika, Triq il-Merkanti u siġra ġdida tal-Milied fejn il-bini tal-Parlament, iċ-chairman tal-aġenzija Kulturali tal-Belt Jason Micallef qal li l-għan ewlieni wara Christmas in the City hu biex jgħollu l-moral f’dan iż-żmien ta’ ansjetà. Qal li l-ftit attivitajiet organizzati se jkunu żgħar, fosthom bis-sehem ta’ korijiet, skont il-linji gwida maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa. Żied li xahar il-bogħod mill-Milied se jkun inawgurat presepju fi Pjazza De Vallette.

Is-Sindku tal-Belt Alfred Zammit appella lin-nies biex jagħmlu x-xiri tal-Milied min-negozji tal-kapitali waqt li jsegwu r-regolamenti marbut mal-Covid.

Il-Ministru għall-Kultura Jose Herrera qal li il-komunità kummerċjali tal-Belt li hija fost l-aktar li ntlaqtet ħażin mill-pandemija, qed tirriklama dan bħala l-unika suq miftuħ għal dan il-Milied. Qal li tħassru l-attivitajiet tal-massa u se jsiru biss dawk approvati mis-Sovrintendenza għas-Saħħa Pubblika.