Lokali
Il-benefiċċju tal-kera jgħin biex il-kera ssir alternattiva vijabbli ta’ akkomodazzjoni

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li aktar minn 2,300 familja qed jibbenefikaw mill-benefiċċju l-ġdid tal-kera. F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Galdes qal li dan għen biex il-kera ssir alternattiva vijabbli ta’ akkomodazzjoni. Huwa spjega li l-benefiċċju, li jlaħħaq sa 5,000 ewro fis-sena, qed jingħata skont id-dħul tal-familji.

Il-Ministru Galdes semma kif hemm numru ta’ familji li qed jirċievu 417-il ewro fix-xahar biex ilaħħqu bil-kera. Ħafna minn dawk li qed jibbenefikaw mill-benefiċċju huma persuni li jgħixu waħedhom jew li huma ġenituri waħedhom u wliedhom.

Fil-każijiet ta’ kirja urġenti minħabba telf ta’ impjieg, vjolenza domestika jew separazzjoni urġenti, il-Ministru Galdes qal li l-Awtorità tad-Djar qed toħroġ id-depożitu tal-kera jew l-ewwel kirja biex tiggarantixxi stabbilità lil dik il-persuna. Semma kif din is-sena, 84 familja bbenefikaw minn din l-għajnuna bi spiża għall-gvern ta’ aktar minn 94,000 ewro.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay, semma li l-beneffiċju tal-kera hu mibni fuq tliet prinċipji: li l-familji ma jħallsux aktar minn kwart tad-dħul tagħhom, li jkollhom biżejjed flus għall-affarijiet essenzjali u li l-benefiċċju jingħata skont id-dħul tal-familja u n-nefqa fil-kirja.

2,387 familja tirċievi benefiċċju tal-kera b’saħħtu.