Infrastruttura
Il-biċċerija tal-Belt tinbidel f’inkubatur għad-disinn

Sa tmiem din is-sena se jiġi inawgurat il-Valleta Design Cluster f’binja fejn kien hemm il-biċċerija fin-naħa t’isfel tal-Belt.

Iċ-Chairperon tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt, Jason Micallef, qal li l-aktar binja mitluqa li kien hemm fil-Kapitali qed tinbidel fl-aqwa legat ta’ Valletta 2018. Il-proġett, li sar b’investiment ta’ €8 miljun b’ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea, se jinkludi ġnien pubbliku fuq il-bjut tal-binja.

Il-binja, li inbniet fis-seklu sbatax bħala biċċerija, fis-snin iktar riċenti tat kenn lill-familji bi dħul baxx ħafna.

Iċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt, Jason Micallef, qal li minn binja mitluqa b’aktar minn tmenin fil-mija tal-bjut imwaqqa’, issa inbidlet fil-Valletta Design Cluster biex tkun bħal inkubatur għal intrapriżi żgħar relatati mad-disinn, bħal stilitisti, periti u graphic designers fost l-oħrajn. Is-Sur Micallef qal li dan hu l-isbaħ wirt ta’ Valletta 2018.

“Din kienet l-aktar binja perikoluża għall-aħħar 40 jew 50 sena fil-Belt Valletta, imma wkoll l-aktar żona li joqgħodu Beltin fiha, allura dan huwa proġett komunitarju qawwi, proġett li ħa jħalli ħafna frott lill-komunità minn ħafna aspetti soċjali, kulturali, ambjentali u ekonomiċi,” qal Jason Micallef.

Il-binja fiha elf metru kwadru ta’ spazju għal 16-il workshop, spazju għall-ikel b’forn li nstab fil-binja li se jerġa’ jitħaddem, u spazju fejn isiru l-laqgħat u l-konferenzi, li se jkun jista’ jintuża’ mill-għaqdiet kollha tal-Belt għal-laqgħat tagħhom.

Il-Perit Amanda Degiovianni spjegat li b’kollaborazzjoni ma’ ditta ta’ Periti Ġappuniża, fuq il-bjut se jsir ġnien pubbliku, li se jservi bħala pulmun għal din iż-żona urbana tal-Kapitali. Qalet li tul il-proċess ta’ restawr, raw li jikkonservaw karatteritstiċi partikolari.

“Ċertu kmamar żammejnihom fl-istat oriġinali ta’ meta nbniet il-binja, għandna kmamar oħrajn li nbidlu tul iż-żmien żammejnihom fil-karatteristiċi anke ta’ dak iż-żmien,” qalet il-Perit Degiovanni.

Il-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, qal li dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni diġà qed iwassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-familji li jgħixu f’din iż-żona tal-Belt, u se joffri spazju biex l-industrija kreattiva tkompli tikber. Qal li l-proġett hu konferma kemm l-Aġenzija Kulturali tal-Belt hi kruċjali biex il-legat ta’ Valletta 2018 jibqa’ ħaj.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia qal li fil-parti t’isfel tal-Belt għaddejjin proġetti ohra mill-Gvern b’valur ta’ kważi €30 miljun bil-għan li din iż-żona tesperjenza qawmien ekonomiku u soċjali.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-kumpanija tal-gaming BET365 ikkonfermat il-pjan tagħha biex tkabbar l-operat tagħha f’Malta billi tirriloka wħud mill-attivitajiet tagħha minn Ġibiltà lejn Malta. Il-kumpanija li kellha uffiċini f’Malta u f’Ġibiltà b’liċenzja biex topera…

Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ombudsman laqa’ t-talba tiegħu u lest jinvestiga l-kontijiet tad-dawl u l-ilma li l-famiji qed ikollhom iħallsu. Il-Viċi Kap Nazzjonalista David Aguis flimkien mal-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew…

Storja

Fl-2018 saru s-siti storiċi ta’ Heritage Malta 1.6 miljun turist, żieda ta’ madwar 400,000 ruħ meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.  Din iż-żieda fil-viżitaturi tirrifletti wkoll fid-dħul finanzjarju tal-aġenzija li s-sena…

Edukazzjoni

Il-Gvern għadda lill-Università ta’ Malta madwar sittin tomna ta’ art, bil-Prim Ministru Joseph Muscat jgħid li dan huwa l-ikbar investiment kapitali li qatt sar fl-Università. B’dan il-ftehim, l-Università ta’ Malta…

Aktar