Il-Bidla fil-klima ħrafa jew realtà?

Il-Bidla fil-klima hija realtà li rridu jew ma rridux qegħdin niffaċċjaw. Waqt il-programm ‘Popolin’ ġie evalwat dak li qed jiġri f’dan ir-rigward u x’jista’ jiġri aktar il-quddiem.

Tkellimna ma Dr. Mario Victor Balzan, arkeologu li jaħdem fuq diversi oqsma fosthom; il-bijodiversità. Dr. Balzan kien involut ukoll f’diversi proġetti interessanti li b‘mod dirett jindirizzaw il-bidla fil-klima u kif pajjiżna jista’ jadatta għas-sitwazzjoni li qegħdin fiha, li bla dubju se tkompli tikber u rridu nkomplu niffaċċjaw fil-futur. Huwa tenna li fil-mument qed isir xogħol fuq numru ta’ proġetti li l-għan primarju tagħhom hu li tinbena infrastruttura ħadra.

Dr. Balzan enfasizza l-importanza li l-partijiet interessati jingħaqdu kollha flimkien biex bis-sehem kollettiv tagħhom naslu għal ekonomija iktar ċirkolari filwaqt li tiżdied l-infrastruttura ħadra. Dan iwassal biex bħala pajjiż innaqqsu l-emissjonijiet  li qed iwasslu għal tibdil fil-klima. “Nemmen li kollha flimkien nagħmlu xi ħaġa kbira.”

Punt ieħor li qam waqt il-programm kien l-ammont kbir ta’ bini li nsibu f’pajjiżna. Dr. Balzan spjega li l-problema tmur lura iktar minn għoxrin sena għaliex bnejna f’postijiet u neħħejna n-natura kollha minn ġewwa fihom. Dan qed iwassal biex ċittadini ta’ ċertu lokalitajiet, biex jagħmlu żewġ passi fil-kampanja qed ikollhom joħorġu mill-lokalità tagħhom bil-karozza. Bla dubju din is-sitwazzjoni mhijiex waħda ideali u għalhekk qed tħalli impatt fuq l-individwu u s-saħħa tiegħu.  Balzan tenna li l-futur qiegħed fl-infrastruttura ħadra bħal ‘green walls’ u ‘green roofs’ li għandhom il-potenzjal li jinkorporaw in-natura f’postijiet urbani. “Il-futur se jkun aħdar, l-ekonomija trid issir ekonomija ħadra. Din se tħalli impatt fuq is-saħħa taċ-ċittadini filwaqt li se toħloq settur ta’ xogħol ġdid li pajjiżna jista’ jinvesti fih.”

“Nemmen li Malta għandha l-opportunità li tkun leader fil-Mediterran għaliex ħafna minn dan ix-xogħol diġà qed isir fil-Ġermanja, fl-Ingilterra u fin-naħa ta’ fuq tal-Ewropa, biss fin-naħa ta’ isfel fejn il-klima hija differenti hemm ħafna opportunitajiet.” Ikkonkluda Balzan.