Agrikultura
Il-biedja u t-trobbija tal-annimali mgħallma fi skola sekondarja

Skola fiż-żona “Taż-Żokrija” fil-Mosta li tifforma parti mill-Kulleġġ Maria Reġina għandha ċentru mnejn toffri lill-istudenti fl-aħħar tliet snin tas-sekondarja tagħlim fuq l-agrikoltura u t-trobbija tal-annimali. Mifrux fuq erbat elef u erbat mitt metru kwadru ta’ art, iċ-Ċentru tal-Agri-Business fih medda raba’ u razzett antik li ġie rrestawrat fejn l-istudenti jitgħallmu dwar xogħol il-bdiewa u r-raħħala.

Tliet snin ilu, l-għalliem Shawn Vella ħataf l-opportunità li jgħaqqad l-għarfien akkademiku tiegħu mal-esperjenza li kellu bħala iben familja li għall-ġenerazzjonijiet sħaħ kellha l-għelieqi u l-annimali.

“Hawnhekk għandna ġenna tal-art bażikament fejn inti tista’ tuża anything li hemm fil-ktieb fil-prattika.”

Tul il-kors l-istudenti jmissu suġġetti oħra bħall-bioloġija u l-kimika filwaqt li tingħata prijorità lis-saħħa u s-sigurtà. Il-klassi hija attrezzata bit-tagħmir kollu meħtieġ għat-tagħlim fosthom kif ikejjlu l-livelli ta’ aċidità fil-ħamrija u n-nitrati tal-ilma.

Is-Sur Vella spjega li kull student li jagħżel dan is-suġġett fit-tielet sena tas-sekondarja jingħata biċċa għalqa b’daqs ta’ 25 metru kwadru. Dan isir biex jitgħallmu wkoll bil-prattika, waqt li jitħarġu fis-sistemi tat-tisqija u kemm jagħtu sustanzi lill-prodotti. Il-bexx ma jintużax.

Tul it-tliet snin tal-kors, jidħlu wkoll fil-kunċett tal-ippakkeġjar biex jippreżentaw il-prodotti tagħhom lill-konsumatur u jitgħallmu dwar il-ħut u kif iżommu akkwarju fi stat tajjeb.

Jitgħallmu wkoll kif irabbu n-naħal u saħansitra ż-żbir tas-siġar.

Sean Vella, għalliem Agri-Business qal “nippruvaw nuruhom mill-ewwel x’hemm biex meta jaslu għall-MCAST, ikunu jistgħu jaqbdu t-triq li verament jixtiequ. Is-sena l-oħra kellna 3 studenti form 5 li daħlu għal kors ta’ vet, assistent vet għax għal vet trid issiefer.”

L-istudenti li jagħżlu dan il-kors jiġu minn ambjenti differenti. Uħud minn familji ta’ bdiewa u raħħala filwaqt li oħrajn ikunu jridu jiskopru x’toffri din l-industrija.

Il-kors jinkludi wkoll żjarat għand bdiewa li jispeċjalizzaw f’oqsma partikulari . . . mill-kultivazzjoni ta’ prodotti sa l-użu ta’ tagħmir u l-aħħar teknoloġija fix-xogħol.

Studenti minn kulleġġ ieħor li urew interess f’dan is-suġġett qed jattendu għal-lezzjonijiet f’dan iċ-ċentru tal-agri-business fil-Kulleġġ Maria Regina fil-Mosta.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes nieda l-viżjoni tal-ewwel Sistema Nazzjonali tal-Housing f’Malta. Aktar minn 50 stakeholder nġabru madwar il-mejda għat-tfassil tal-ewwel sistema ta’ housing f’Malta. Il-Ministru Galdes qal li d-deċiżjoni…

Temp

L-Uffiċċju Meterjoloġiku ta’ Malta qed iwissi b’riħ qawwi. Ir-riħ mill-Majjistral ser ikun qawwi kultant fuq l-inħawi fejn jaqbel tal-Gżejjer Maltin. Din it-twissija tibqa’ fis-seħħ sat-3 ta’ għada filgħodu

Aktar