Politika
Il-biljun dinar miżmuma fil-Port Ħieles: “Nagħtuhom lil-Libja meta l-Libjani jiftehmu bejniethom”

F’laqgħa skedata għax-xahar id-dieħel f’Tuneż, ir-rappreżentanti tal-fazzjonijiet Libjani għandhom quddiemhom proposta, li fost oħrajn tassigura rappreżentenza wiesgħa tan-naħat kollha tal-Libja fit-tmun tal-pajjiż.

Malta qed tibqa’ taqdi rwol ċentrali fil-mixja lejn il-paċi u l-istabilità fil-Libja, b’żewġ delegazzjonijiet oħra bħalissa jinsabu fil-pajjiż: il-Ministru tad-Difiża u l-Ispeaker tal-Parlament Libjan.

F’dawn il-ġranet familji Libjani rritornaw fi Tripli, wara li kellhom jaħarbu miż-żona minħabba l-gwerra ċivili fil-Libja. Il-membri tal-familji rrakkontaw kif iħossuhom ixxurtjati li ma misshomx l-istess destin tal-qraba tagħhom li mietu waqt il-gwerra.

Il-kunflitt bejn fazzjonijiet Libjani ilu għaddej 9 snin. Il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied iffirmat aktar kmieni din il-ġimgħa f’Ġinevra bejn il-fazzjonijiet Libjani ġab arja ġdida ta’ ottimiżmu għall-bidu ġdid fil-Libja.

Dan l-iżvilupp kien fost it-temi li ġew diskussi bejn f’laqgħa bejn il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo u delegazzjoni mmexxija mill-Ispeaker tal-Parlament Libjan Aguila Saleh. Il-Ministru Bartolo qal li waqt it-taħditiet l-Ispeaker Libjan wera ruħu ottimist dwar il-laqgħat skedati f’Tuneż bejn il-partijiet differenti Libjani x-xahar id-dieħel.

“Il-proposta tagħhom hi li jkun hemm rappreżentanza li jekk pereżempju l-President jinħatar min-naħa ta’ Tripli. Imbagħad ikun hemm żewġ viċi presidenti. Wieħed jinħatar min-naħa tal-Lvant u l-ieħor min-naħa ta’ Isfel tal-Libja.”

Tenna li l-Gvern Malti jemmen f’Libja waħda u magħquda.

Mistoqsi dwar l-elf miljun dinar Libjan miżmumin fil-Port Ħieles mill-awtoritajiet Maltin, il-Ministru Bartolo stqarr li l-Gvern kien anki ngħata l-parir li jaħraqhom iżda għażel triq oħra.

“Aħna għedna ‘le’, se nżommuhom u nagħtuhom lil-Libja meta l-Libjani jiftehmu bejniethom. Semmejnielhom din fil-laqgħa. Għednielhom li aħna dawk id-dinari li tant għandkom bżonn qegħdin hemm. Meta tiftehmu bejnietkom li dawn jintużaw għall-ġid tal-Libja kollha, aħna l-gost tagħna hu li ntuhomlkom.”

Id-delegazzjoni Libjana ssuktat bil-laqgħat mal-President tar-Repubblika u mal-Kamra tal-Kummerċ.

Intant, wasal Malta kmieni waranofsinhar il-Ministru tad-Difiża Libjan Salahedin Namroush għal laqgħat uffiċjali mal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri.