Barranin
Il-biljunarji fl-Istati Uniti jħallsu inqas taxxi minn ħaddiema b’paga medja

Investigazzjoni minn ġurnalisti kixfet kif l-iktar nies sinjuri fl-Amerka huma l-inqas li jħallsu taxxa, fejn fi snin partikolari lanqas ħallsu ċenteżmu.

Ir-rapport mis-sit elettroniku ProPublica ppubblika l-figuri tat-taxxi tal-iktar 25 persuna sinjura fl-Istati Uniti, fosthom Jeff Bezos, Elon Musk, Marc Zuckerberg, Bill Gates u Warren Buffett.

Fattur li spikka f’dan ir-rapport huwa l-fatt li l-evażjoni tat-taxxa qed issir b’mod legali billi s-sistema tintaxxa d-dħul dirett u mhux stocks u investimenti oħra.

Ħadd mill-persuni msemmija ma ċaħad il-figuri ppubblikati, u wħud minnhom ġieli tkellmu pubblikament dwar dan il-fatt. Fosthom Buffett, li kien iddikjara li s-segretarja tiegħu tħallas iktar taxxa minnu.

Kelliema għall-White House qalet li t-tagħrif kunfidenzjali nħareġ mid-dipartiment tal-gvern b’mod illegali, u li l-awtoritajiet qed jinvestigaw dan il-‘leak’. Żiedet li l-Gvern jaf li hemm iktar xi jsir biex il-korporazzjonijiet u l-individwi li jaqilgħu l-iktar iħallsu sehem ġust.

ProPublica qalet li qed tkompli tanalizza data li għandha f’idejha u se tkompli tippubblika iktar dettalji fil-ġimgħat li ġejjin.