Negozju
AĠĠORNAT: Il-bini tal-villaġġ artiġjanali f’Ta’ Qali se jitlesta sal-aħħar tas sena

Il-villaġġ artiġjanali f’Ta Qali li minnu jopperaw 70 artiġjan lokali b’diversi snajja li jvarjaw minn xogħol fl-injam sa xogħol fil-ħġieġ, ser jingħata spinta biex sa tmiem din is-sena ma jibqax sit ta’ kostruzzjoni, u jitneħħew in-nissan huts, li huma l-imħażen fejn jaħdmu l-artiġjana.

Waqt żjara fil-Villaġġ, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri qal li permezz ta’ INDIS Malta, inħarġet sejħa għall-offerti biex ikunu jistgħu jinbnew il-bqija tal-imħażen f’dan il-villaġġ, permezz ta’ kuntratturi imqabbda mill-Gvern.

“Tajt struzzjoni diretta lil Indis Malta sabiex hi tidħol fir-reponsabbilità li tlesti dawn ix-xogħlijiet billi tqabbad kuntratturi hi b’rati stabbilti minn qabel sabiex dan ix-xogħol ikun komplut u lest sal-aħħar ta’ din is-sena. Ħabbart ukoll proġetti oħra fosthom affarijiet li ser nagħtu lil pubbliku bħal dawk li huma open spaces, bandli, kiosk, child minding sevices, affarijiet tas-sigurtà, affarijiet ta’ tabelli u oħrajn, sabiex fl-aħħar mill-aħħar nagħmluh proġett komplut.”

Minn 70 artiġjan s’ issa 19 lestew ix-xogħlijiet fuq il-binjiet tagħhom, 8 għaddejjin bix-xogħlijet u 43 artiġjana ohra għadhom ma bdewx il-bini tal-istabbilimenti tagħhom. Il-binjiet iridu jsiru bi stil parktikolari fuq il-ġebla u bit-twieqi bil-persjani.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ INDIS Malta Karl Azzopardi, qal li 22 mit-43 artiġjan li għad jonqoshom jibnu, wrew l-interess biex jidħlu fil-proċess, biex ikun jista’ jibda l-bini tal-istabbilimenti tagħhom f’Ġunju li ġej.

“Għal min qiegħed jopera diġa u għal min investa, it’s only fair illi ovjament nippruvaw ngħinu bħala sapport li nidħlu għaliha aħna u prattikament nibnu u nimmaniġjaw il-bini tal-individwi. Ovvjament hija proċedura li dak li jkun imbagħad iħallasna lura fuq numru ta’ snin biex u b’hekk inkomplu nistgħu nagħlqu l-proġett minn naħa infrastutturali.”

F’kummenti ma’ Television l-artiġjani li lestew l-istabbilimenti tagħhom, qalu li għalihom huwa mportanti li jitlestew il-binjiet kollha fil-villaġġ biex il-proġett isir attrazzjoni unika kemm għall-Maltin kif ukoll għall-barranin.

Il-President tas-assoċjazzjoni Tal-Crafts Village Eleazar Galea qal li l-għajnuna tal-Gvern ser tgħin lil artiġjana filwaqt li spjega kif għal ħafna minnhom is-sengħa tiġi qabel in-negozju.

“Din hija ħajjitna, ix-xogħol tagħna għandna passjoni kbira għalih, u jiena jekk ma nigix hawnhekk fil-workshop ihossni, li r-rutina tiegħi hi li niġi hawnhekk fil-workshop.”

Il-proġett tal-bini tal-bqija tal-istabbilimenti ser ikun maqsum f’4 żoni, ta’ 10 stabbilimenti kull wieħed, li ser iwassal biex jitlesta kemm il-bini kif ukoll l-attrezzar tal-villaġġ b’sinjali u sistema tas-sigurtà.