Il-binja ta’ Teatru Melita tingħata protezzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar

Binja tas-seklu dsatax f’San Ġiljan ġiet ikklassifikata fl-ewwel Grad mill-Awtorità tal-Ippjanar, biex issa ngħat l-ogħla livell ta’ protezzjoni.

Il-binja, li tinsab fi Triq il-Karmnu, viċin il-Kappella ta’ Lapsi, hija kkunsidrata waħda mill-ewwel binjiet li telgħu f’din iż-żona.

Ta’ interess partikolari f’din il-binja hemm il-ġnien li għandha fuq wara, kif ukoll it-teatru miftuħ, li kien magħruf bħala Teatru Melita, li nbena fl-1870.

It-Teatru Melita huwa l-eqdem wieħed fl-inħawi ta’ Tas-Sliema u San Ġiljan, u kien jiġi ffrekwentat minn dawk li jqattgħu s-sajf hawn fil-villeġġjatura. Minbarra esebizzjonijiet teatrali u taħditiet, ġieli kien jintwera wkoll xi film.

In-naħa residenzjali tal-binja wkoll fiha elementi arkitettoniċi sinonimi mad-djar tradizzjonali Maltin li jinsabu fil-qalba tal-irħula.

Il-binja kienet ukoll id-dar tar-raba’ President tar-Repubblika, Dr Ċensu Tabone.