Kaċċa u Insib
Il-BirdLife b’rikors fil-Qorti dwar il-poteri tal-Ministeru għal Għawdex fuq il-kaċċa

Il-BirdLife fetħet rikors fil-Qorti kontra l-Prim Ministru, il-Ministru għall-Ambjent u l-Ministru għal Għawdex li fih qed targumenta li t-trasferiment tar-regolamenti dwar il-konservazzjoni tal-għasafar u tal-Wild Birds Regulation Unit taħt il-Ministeru għal Għawdex huwa illegali.

L-għaqda qed tikkontesta wkoll li l-liċenzji tal-kaċċa fir-Rebbiegħa nħarġu mill-Ministru għal Għawdex, għax qed tgħid li ma kellux saħħa legali jagħmel dan.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Qorti fl-għeluq tal-istaġun, il-Kap Eżekuttiv tal-BirdLife, Mark Sultana, qal li dan kien l-agħar staġun għax qal li nqatlu jew ġew feruti 44 għasfur protett. Is-Sur Sultana qal li dan jammonta għal għasfur anqas mill-aħħar tliet staġuni flimkien. Żied li 16-il għasfur minnhom huma gamiem u l-bqija huma għasafar tal-priża.

Hu lmenta li l-Gvern qed ikaxkar saqajh biex iwaqqaf Wildlife Crime Unit li dwarha ntlaħaq qbil mal-Kumitat Ornis fl-2018. Is-Sur Sultana qal li l-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa’ tagħlaq għajnejha għal dawn l-illegalitajiet u talab il-Kummissjoni Ewropea tiskrutinizza l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa ta’ din is-sena.