Annimali
Il-BirdLife Malta tiġbor għasfur rari u protett li spiċċa midrub

Ilbieraħ, il-BirdLife Malta ġabret għasfur pjuttost rari li huwa sottospeċi Mediterranja tal-Bies, li nstab ferut b’tiri ta’ senter fl-Għarb, Għawdex. Fi stqarrija, il-BirdLife qalet li l-għasfur instab minn familja li kienet fuq btala f’Għawdex u li ċemplet lil BirdLife Malta biex tirkupra l-għasfur.

Il-Bies, li darba kien speċi komuni li tbejjet fuq l-irdumijiet madwar il-kosta, sar estint fit-tmeninijiet riżultat tal-kaċċa. Bil-mod il-mod fl-aħħar snin reġa’ beda jirkupra b’numru żgħir ta’ għasafar jiffurmaw pari u jibdew ibejtu f’zoni remoti tal-kosta. Fi tmiem l-istaġun tal-bejta, BirdLife Malta qalet li l-frieħ ikunu għadhom qed jipprattikaw kif jikkaċċjaw għasafar oħra waqt li jtiru. Dan l-għasfur partikolari messitu x-xorti ħażina li jispiċċa vittma ta’ kaċċatur li suppost kien qiegħed għall-kaċċa tal-fniek f’dan iż-żmien tas-sena.

Skont il-BirdLife, it-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (Wild Birds Regulation Unit, WBRU) biddlet il-liġijiet tal-kaċċa tal-fenek biex il-kaċċaturi jkollhom il-libertà jikkaċċjaw fejn iridu madwar Malta u Għawdex. Qabel din il-bidla fil-liġi, il-kaċċa għall-fenek kienet permessa biss fuq art privata bil-permess tas-sid imma issa l-kaċċaturi jistgħu jmorru fejn iridu b’senter ikkargat.

Il-BirdLife Malta kompliet tgħid li l-kaċċaturi qed jużaw dan il-paraventu biex joħorġu għall-kaċċa għall-għasafar waqt l-istaġun tal-bejta u matul il-bidu tal-passa biex l-istaġun tal-kaċċa jiġi estiż anke għax-xhur tas-sajf.

Mill-ftuħ tas-taġun tal-kaċċa tal-fenek fl-1 ta’ Ġunju, il-BirdLife Malta ġiet mgħarrfa b’disa’ għasafar protetti li sfaw fil-mira tal-kaċċa illegali biex it-total ta’ tajr protett ferut jew maqtul li nġabar din is-sena sa issa issa tela’ għal 113.

Qalet li minkejja li għadna f’Awwissu, diġà ninsabu fuq l-istess livelli tal-2018 li kienet sena rekord, b’114-il għasfur protett li spiċċa fil-mira tal-kaċċa illegali.

BirdLife Malta tappella lill-pubbliku biex isegwi l-kampanja #onthemove li se nkunu qed inniedu għal aktar informazzjoni dwar kif wieħed jista’ jgawdi, jieħu ħsieb u jħares l-għasafar huma u jpassu.

Aħbarijiet Oħra

Il-viżjoni li tixpruna l-programm li tħejja għall-istaġun li jmiss ta’ Spazju Kreattiv taħseb biex tegħleb l-isfidi tal-Covid-19, bl-organizazzjoni ta’ 400 attività bis-sehem ta’ 320 artist u 17-il għamla ta’ arti…

Fil-Jum Dinji tat-Tindif, l-attivitajiet f’Malta kienu ffukati biex iwasslu messaġġ dwar il-ħsara li jagħmel il-plastik fil-baħar. Minn attivitajiet ta’ tindif f’erba’ bajjiet popolari, f’għodwa waħda nġabru ‘l fuq minn 150…

Aktar