Kaċċa u Insib
Il-BirdLife tikteb lill-Kummissarju Ewropew dwar il-ftuħ tal-istaġun għall-insib

L-għaqda BirdLife Malta qalet li kitbet ittra lill-Kummissarju Ewropew Virginijus Sinkevičius dwar id-deċiżjoni tal-Gvern li jiftaħ l-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana biex isir proġett ta’ riċerka.

Fi stqarrija l-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal li l-Gvern qed ibaxxi rasu għal lobby li qal huwa żgħir u voċiferu, u li qed jitħalla jonsob għal seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana taħt il-premessa ta’ proġett ta’ riċerka.

Is-Sur Sultana allega li l-maġġoranza tan-nassaba se jżommu l-għasafar li jaqbdu għax jafu li m’hemm l-ebda sorveljanza jew infurzar.

Żied li barra minn hekk, in-numri ta’ għasafar ikkaċċjati jew minsuba li jiġu rrappurtati mill-kaċċaturi u n-nassaba Maltin matul is-snin hu ferm inqas min-numri maqbuda.

L-għaqda qalet li l-ġimgħa l-oħra 12-il Ajkla Bajda tniżżlu b’tiri tal-kaċċa, żewġ Fjamingi nħatfu minn ġo riserva naturali, u l-Prim Ministru ta’ Malta għadda l-ikbar żewġ imsaġar f’Malta lill-kaċċaturi u n-nassaba.

BirdLife Malta qalet li hija determinata li tiġġieled dawn id-deċiżjonijiet fil-Qorti u se tagħmel minn kollox biex teżawrixxi l-mezzi legali kollha possibbli kontra din id-deċiżjoni.

Ara wkoll:

Il-perjodu ta’ riċerka fuq is-seba’ speċi tal-għasafar tal-għana jiftaħ nhar it-Tlieta

Deroga għall-istaġun tal-insib tal-pluviera u malvizz