Aġġornat bi tweġiba tal-Gvern – BirdLife titlob li jingħalaq l-istaġun għall-Pluviera

Wara li l-ġimgħa li għaddiet l-organizzazzjoni CABS talbet li jingħalaq l-istaġun tal-insib għall-Pluviera, illum BirdLife Malta reġgħet tenniet dan l-appell.

Il-BirdLife qalet li qed tagħmel dan l-appell wara li fl-aħħar ftit ġimgħat kellna passa eċċezzjonali ta’ din l-ispeċi li wasslet għal attività tal-insib mifruxa maż-żewġ gżejjer, ħafna drabi billejl, bl-użu illegali ta’ apparat tal-għajjat elettroniku biex jattira lil dawn l-għasafar.

Ixxandar ukoll filmat li l-għaqda qalet li juri l-użu ta’ dan l-apparat tal-għajjat elettroniku (electronic callers) f’diversi lokalitajiet fil-kampanja. Qalet li tul Novembru u Diċembru irċevew ta’ kuljum rapporti mill-pubbliku dwar l-użu ta’ dan l-apparat għall-insib tal-Pluvieri matul il-ġurnata u matul il-lejl.

Intant fi tweġiba s-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali ċaħad l-istqarrija li l-apparat tal-għajjat elettroniku huwa rampanti u mhux regolat. Il-Gvern qal li mill-2012 sal-lum l-użu illegali ta’ dan l-apparat naqas b’60%.

Il-Gvern saħaq li permezz ta’ sistema amministrattiva ġdida ta’ multi li ddaħħlet f’Ottubru 2013, min jinqbad juża dan l-apparat awtomatikament jeħel multa ta’ €250 u l-apparat jiġi kkonfiskat. Qabel din is-sistema min jinqabad seta’ jinstab ħati biss wara li jittella’ l-Qorti. Żied jgħid li mill-2013 l-infurzar iktar minn irdoppja, u għalhekk l-argument li l-każijiet naqsu għax m’hemmx infurzar ma jreġix.