Kultura
Il-blat taħt il-Kappella tal-Lunzjata qed jiżżerżaq ‘l isfel

F’Ħamis ix-Xirka filgħaxija se terġa’ ssir il-mixgħela tas-Salib tal-Għolja, fil-limiti tas-Siġġiewi. Għal raġunijiet ta’ sigurtà, il-pubbliku ma jistax jitla’ fil-parti ta’ fuq nett tal-għolja, ħdejn il-kappella u s-salib. Jista’ jasal sal-passaġġ ta’ taħt l-għolja jew isegwi l-mixgħela minn distanza. Dawn il-miżuri ta’ prekawżjoni qed jittieħdu minħabba l-instabilità fil-pedamenti li fuqhom inbnew dawn iż-żewġ strutturi.

Konsenturi wesgħin f’diversi postijiet, parti mis-saqaf iġġarraf, l-art inqalgħet, l-aperturi mmermrin u mkissrin, ikkolonizzata minn numru ta’ ħamiem u qed tinqasam min-nofs u tinġibed mit-tul tagħha. Dan hu l-istat li fih tinsab il-kappella tal-Lunzjata, ħdejn is-Salib tal-Għolja, fis-Siġġiewi. Fuq barra, iz-zuntier tal-kappella, mhux talli ċċaqlaq, imma dar ukoll fuqu nnifsu.

Studju kkummissjonat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u mill-Arċidjoċesi lill-Perit Adrian Mifsud sab li l-blat taħt il-kappella, f’fond ta’ madwar ħames metri, għalkemm magħruf bħala l-qawwi ta’ fuq, hu mfarrak u għandu ħafna qsim f’direzzjoni partikolari. Dawn huma magħrufa bħala fissuri.

Il-Perit Mifsud qal li d-direzzjoni ta’ dawn il-fissuri qed twassal biex il-blat li jinsab fuq madwar 20 metru ta’ tafal, jiżżerżaq ‘l isfel. Spjega li dawn il-fissuri ġew minn qasma kbira fil-blat, riżultat ta’ terremot qawwi fl-imgħoddi.

“It-tafal li għandna huwa inċanat allura huwa ħafna aktar faċli li jiżżerżaq fuqu nnifsu. Din il-ħaġa wasslet biex minħabba l-fatt li hemm għolja, t-tafal aktar kompla jiżżerżaq almenu naħsbu. Jiġifieri issa l-istudji li se jsiru minn issa ‘l quddiem huma biex naraw kemm hi vera din l-ipoteżi jew le u naraw safejn twassal jekk hi vera, kemm qed jiċċaqlaq,” qal il-Perit Mifsud.

Qal li dawn l-istudji se jsiru bi sħab mad-Dipartiment tal-Ġeo Xjenza fl-Università. Żied jgħid li qabel jiġi deċiż liema jkun l-aktar intervent għaqli għall-pedamenti tal-kappella, se tiġi studjata f’aktar dettall l-art. Qal li fost l-interventi li jistgħu jiġu kunsidrati hemm dawk ta’ tisħiħ fil-pedamenti, kif sar fis-swar tal-Imdina.

L-istudju ġie ppreżentat f’laqgħa, b’membri tal-pubbliku staqsew jekk it-twaqqigħ tal-kappella u l-bini mill-ġdid tagħha aktar lura hix soluzzjoni. Fil-fehma tal-Perit Mifsud, din għandha tkun l-aħħar għażla meta jkun determinat li mhemmx soluzzjonijet oħra. Qal li jekk jiġri hekk, il-kappella titneħħa mill-kuntest tagħha. Saħaq li mhemmx tweġiba sempliċi dwar it-triq ‘il quddiem u għalhekk il-ħtieġa ta’ aktar studji.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Mumenti ta’ ġabra spikkaw fiċ-Ċimiterju Militari f’Tal-Pietà waqt it-tifkira għall-eluf ta’ suldati Awstraljani u minn New Zealand li tilfu ħajjiethom biex jiddefendu l-ħelsien fil-battalja ta’ Gallipoli fl-Ewwel Gwerra Dinjija li…

Lokali

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Psikoloġija, għall-ewwel darba d-dipartiment tal-psikoloġija fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa fakkar il-Jum Dinji tal-Psikoloġija biex jikber l-għarfien dwar is-servizzi li qed joffri lill-komunità. Is-sena li għaddiet, iżjed minn…

Lokali

Mas-6,000 ħaddiem se jingħataw kumpens għall-anomaliji u inġustizzji li sofrew matul iż-żmien. Il-Ministri Edward Scicluna u Michael Falzon qalu li dawn il-ħaddiema ser jingħataw bejniethom €11-il miljun fi skema li…

Lokali

Il-familji residenti fil-bini li ġġarraf il-lejl li għadda fi Gwardamanġa u l-ġirien tagħhom jinsabu ttrawmattizzati, li minħabba dak li ġara spiċċaw b’ta’ fuqhom senduqhom. Huma esprimew rabja kbira għaliex qalu…

Aktar