Edukazzjoni
Il-bord ta’ dixxiplina tal-Fakultà tal-Ekonomija jippenalizza biss lill-istudenti li kkuppjaw

Bord tad-dixxiplina mmexxi mid-Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy, il-Professur Frank Bezzina, irreveda d-deċiżjoni li ttieħdet ġimagħtejn ilu, li permezz tagħha weħlu minn test iktar minn 250 student tal-ewwel sena, wara li wħud minnhom inqabdu jikkuppjaw.

Fi stqarrija maħruġa mill-Università ta’ Malta llum, intqal li l-Fakultà ġiet f’pussess ta’ screenshots ta’ Facebook Messenger chat li tallega kollużjoni bejn numru ta’ studenti waqt l-eżami EMA1008: Quantitative Analysis for Business 1.

Dawk l-istudenti kollha li kienu involuti fic-chat ingħataw id-dritt għal smigħ billi setgħu jiġġustifikaw il-parteċipazzjoni tagħhom fiċ-chat b’mod individwali. B’hekk il-bord seta’ jiddetermina l-livell ta’ involviment ta’ kull student.

Fil-każijiet fejn irriżulta li l-istudenti ftiehmu bejniethom, il-bord għamel twissija formali kontra din l-imġieba. Intqal li dawn l-istudenti ġew ukoll penalizzati billi l-marki oriġinali tagħhom tnaqqsu skont il-gravità tal-kollużjoni tagħhom.

Il-membri l-oħra tal-bord tad-dixxiplina kienu l-Viċi Dekan tal-fakultà, il-Professur Vincent Cassar, u r-rappreżentant tal-istudenti, is-Sur Zane Camilleri.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Klassi sħiħa tal-B.Com teħel minn test wara li wħud inqabdu jikkuppjaw