Lokali
“Il-Bord tal-Ippjanar għandu jirrifjuta l-proġett tad-DB” – appell minn kunsilli u għaqdiet

Numru ta’ għaqdiet mhux governattivi kif ukoll il-kunsilli lokali ta’ San Ġiljan u s-Swieqi, u għadd ta’ residenti minn Pembroke attendew għal konferenza tal-aħbarijiet li saret biex isemmgħu leħinhom kontra l-proġett tad-DB fuq l-art fejn kien hemm l-ITS. Huma ddeskrivewh bħala wieħed mill-agħar proġetti qatt proposti f’pajjiżna.

Il-kelliema fil-konferenza tal-aħbarijiet qalu li huma ddiżappuntati li l-case officer tal-Awtorità tal-Ippjanar qed jirrakkomanda li l-proġett isir minkejja li diġà saru 17-il elf oġġezzjoni għalih kif ukoll irnexxielhom jirbħu kawża l-Qorti. Qalu li wara ħafna tibdil fil-pjani, il-grupp DB issottometta pjanti ġodda b’dak li sejħu bħala tibdil minimu fid-daqs tal-proġett.

Sostnew li se jibqgħu joġġezzjonaw bil-qawwa għall-applikazzjoni u jkomplu jissieltu dan l-iżvilupp jekk il-permess ikun approvat mill-Bord tal-Awtorità waqt laqgħa pubblika skedata għal nhar il-Ħamis.