Lokali
Il-Bormliżi jfakkru l-115-il sena mill-inkurunazzjoni tal-kwadru titulari tal-Immakulata Kunċizzjoni

Għalkemm il-festi din is-sena tħarbtu minħabba l-pandemija, il-Bormliżi ser ifakkru l-115-il sena mill-inkurunazzjoni tal-kwadru titulari tal-Immakulata Kunċizzjoni. Attivisti tal-festa qalu ma’ TVM li din it-tifkira qed issir b’fidi li l-Immakulata tħares ukoll lil Malta mill-gwaj tal-pandemija kif storikament il-Maltin f’mumenti ta’ kriżi dejjem ħarsu lejn il-Madonna.

Il-kwadru titulari tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-ParoĊĊa ta’ Bormla ġie inkurunat 115-il sena ilu. Għalkemm għadda aktar min seklu mill-inkurunazzjoni, il-Bormliżi jqisu din il-ġrajja bħala xhieda ħajja ta’ kemm huma riedu lill-Immakulata tkun sultana ta’ belthom. Il-Viċi President tal-Festa f’Bormla, Marco Agius qal li l-Bormliżi jgħożżu l-mumenti storiċi fosthom l-inkurazzjoni tal-kwadru titulari.

“Ġie inkurunat fl-1905 fil-25 ta’ Ġunju mil-legat tal-Papa San Piju 10 mill-Kardinal Domenico Ferrata. Qegħdin infakkru wkoll minn meta l-istatwa titulari ġiet inawgurata fit-18 ta’ Ġunju 1905 fuq disinn t’Abram Gatt. L-inkwadru titulari mpitter minn Pietru Pawl Caruana fuq l-idea tal-Monsinjur Ludovic Mifsud Tommasi.”

Fix-xhur tal-pandemija, iċ-Ċentru 19 ta’ Novembru 1944 ħareġ bl-idea li jagħmel bnadar ta’ Malta bix-xbiha tal-Immakulata Kunċizzjoni fuqhom. Għall-bidu l-ħsieb kien li jsiru 100 bandiera, iżda d-domanda tant kienet qawwija li b’kollox saru mad-900 bandiera.

“Il-poplu Malti stroikament fi żminiiet diffiċli dejjem dar lejn il-Madonna, insemmu l-assedju l-kbir, it-tieni gwerra dinjija, żmien il-pesta, u aħna xtaqna li nerġgħu din il-fidi, din it-tama fil-Madonna għal żmien il-pandemija….. Għaldaqstant xtaqna wkoll li nsaħħu din ir-rabta bejn Bormla u l-Immakulata.”

Iċ-Ċentru 19 ta’ Novembru 1944 ħeġġeġ biex dawn il-bnadar jiġu armati f’Bormla għal din l-okkażjoni tal-25 ta’ Ġunju b’tama għal futur aħjar taħt il-ħarsien tal-Immakulata.