Ekonomija u Finanzi
Il-BOV bi qligħ ta’ €9.3 miljun fl-ewwel tliet xhur tas-sena

Bejn Jannar u Marzu li għadda l-Bank of Valletta (BOV) għamel qliegħ ta’ €9.3 miljun.

Dan tħabbar fi preżentazzjoni virtwali li ta ċ-Chairman tal-BOV Gordon Cordina u li fiha ġew preżentati r-riżultati finanzjarji għall-ewwel tliet xhur tas-sena.

Minnhom jirriżulta li f’dan il-perjodu d-dħul naqas b’4% meta mqabbel mal-istess tliet xhur tas-sena li għaddiet.

Fl-ewwel tliet xhur tas-sena d-depożiti fil-BOV żdiedu b’1.3% meta mqabbel ma’ Diċembru tas-sena li għaddet waqt li s-self u l-ħlasijiet bil-quddiem żdiedu b’1.7%.

Il-bank irreġistra wkoll tkabbir sostanzjali f’self għax-xiri tal-proprjetà kif ukoll għall-fini ta’ negozju.

Il-profit jiddependi minn diversi fatturi li wħud minnhom marbuta mal-pandemija li jaf ma jkunux preżenti fix-xhur li ġejjin.

Madanakollu Dr Cordina stqarr li f’dan l-istadju previżjoni hi diffiċli iżda semma kif l-prestazzjoni finanzjarja tiddependi minn kemm se tieħu żmien biex tirkupra l-ekonomija.

F’dan l-isfond il-BOV qal li minkejja s-sitwazzjoni tal-pandemija huwa jinsab miexi b’ritmu tajjeb fit-tieni kwart tas-sena finanzjarja.