Lokali
Il-BOV għadu qed jipprova jirkupra flusu lura u jsib tarf ta’ min wettaq l-attakk

Kważi s-servizzi kollha tal-Bank of Valletta ġew lura għan-normal wara li lbieraħ is-sistemi tal-bank sfaw fil-mira ta’ cyber attack li wassal biex il-bank issospenda l-operat tiegħu. Il-bank għamilha ċara li l-kontijiet u d-depożiti tal-klijenti ma ġewx minsusa. L-uniċi servizzi li għadhom sospiżi huma tal-pagamenti mill-kontijiet tal-Bank of Valletta stess għall-kontijiet f’banek barra minn Malta. Kelliem għall-bank qal li minbarra investigazzjoni dwar is-sors tal-attakk, bdiet ħidma biex fost l-oħrajn il-bank jirkupra t-€13-il miljun li ġew imblukkati li ġew trasferiti illegalment f’kontijiet bankarji f’erba’ pajjiżi.

Minn nofsilejl li għadda l-klijenti tal-Bank of Valletta setgħu jerġgħu jiġbdu u jiddepożitaw il-flus mill-ATMs waqt li mit-8.30am l-fergħat kollha tal-bank fetħu normali u s-servizzi bl-internet banking u l-mobile bdew jaħdmu għajr għal servizz wieħed li l-bank qed jissuspetta li seta kien fil-mira tal-kriminali fis-cyber attack li l-origini tiegħu għad mhux magħruf.

L-uffiċjal għoli tal-Bank of Valletta, Kenneth Farrugia qal li s-servizz li għadu sospiż huwa tal-pagamenti mill-bank għal kontijiet internazzjonali. Qal li dan is-servizz ġie sospiż l-Erbgħa filgħodu minnufih wara li fil-proċess tar-rikonċiljazzjoni li jsir kuljum, instab li jekk kellhom jiġu trasferiti €100 miljun mill-kont tal-bank għall-kontijiet terzi, kienu ġew trasferiti €113-il miljun. Is-sur Farrugia qal li kien hemm 11-il tranżazzjoni falza b’total ta’ €13-il miljun mill-kont tal-banek f’erba’ pajjiżi. Qal li dawn l-flus mhumiex tal-klijenti għax il-kont li safa fil-mira tal-kriminali huwa distint mil-kontijiet tal-klijenti.

Is-Sur Farrugia qal li l-bank għaddej b’ħidma fuq tliet fronti – li jerġa’ jirkupra dawn it-tlettax-il miljun ewro li jinsabu imblukkati f’banek oħrajn; li jsib tarf tal-virus jew is-sors tal-attakk u li jreġġa’ lura s-servizz tal-pagamenti internazzjonali.

L-uffiċjal tal-bank qal li minkejja li dan is-cyber attack kien sofistikat, il-miżuri ta’ sigurtà u kontinġenza li nvesta fihom il-bank ħallew ir-riżultati.

Intant id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fi stqarrija serraħ ras dawk kollha li s-Sibt li ġej imisshom jirċievu pagamenti ta’ benefiċċji li normalment jidħlu f’kontijiet bankarji taghhom tal-Bank of Valletta, li dawn il-pagamenti se jsiru bħas-soltu.

Fl-aħħar snin il-banek u istituzzjonijiet finanzjarji saru l-mira ewlenija ta’ kriminali online li ħafna drabi jidħlu baxx baxx fis-sistemi teknoloġiċi tal-bank, ħafna drabi b’viruses jew software malizzjuz. Is-sena li għaddiet l-Aġenzija Ingliza kontra Kriminalita qalet li fl-2017, seba’ mill-akbar banek fil-pajjiż kellu jissospendu s-servizzi tagħhom minħabba cyber attacks. Ħafna minnhom ma ħarġux dikjarazzjonijiet pubbliċi li sfaw fil-mira ta’ attakk bħal dawn.

Aħbarijiet Oħra
Air Malta

Il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi qal li fil-jiem li ġejjin se jitħabbru riżultati finanzjarji pożittivi għal-linja nazzjonali tal-ajru. Fil-ftuħ tal-fiera annwali tal-ivjaġġar, l-AMITEX, il-Ministru qal li l-viżjoni tal-Gvern hi li l-Air…

Politika

Fi Brussell, kien hemm ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, li attenda għal-laqgħa tal-kapijiet tal-partiti membri tal-Partit Popolari Ewropew. Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista kkowtat lil Dr Delia jgħid li jeħtieġ li…

Politika

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li r-realtà fid-drama dwar Brexit hi li jiġri x’jiġri, l-UE se tkun qed ittawwal il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE b’ġimgħa biss, għax jekk il-ġimgħa d-dieħla il-Parlament…

Sport

Sens kbir ta’ sodisfazzjon u arja ta’ festa fost il-kontinġent Malti li kkompeta fil-logħob dinji tal-Ispecial Olympics. It-28 atleta b’diżabbiltà intellettwali ġejjin lura Malta b’erbgħin midalja, 12 minnhom tad-deheb. L-atleti…

Aktar