Lokali
Il-bozoz kollha tat-toroq ewlenin qed jinbidlu biex il-konsum jonqos b’70%

Qed jinbidlu bħalissa l-bozoz kollha li jdawlu t-toroq ewlenin f’Malta fi proġett li mistenni jnaqqas il-konsum tal-elettriku b’madwar 70%. Il-bozoz il-ġodda, aktar minn tliet elef, huma tal-għamla LED u joffru għadd ta’ vantaġġi fuq dawk li kienu jintużaw qabel. Fi ħsieb l-awtoritajiet hemm li l-proġett jissokta ‘l quddiem biex jinbidlu l-bozoz kollha tat-toroq fil-lokalitajiet.

Idawlu fis-sigħat ta’ bil-lejl it-toroq ta’ Malta u Għawdex hawn mal-50,000 bozza. Tliet snin ilu, 5,300 minnhom inbidlu ma’ oħrajn tal-għamla LED fi proġett pilota maħsub biex jonqos il-konsum tal-enerġija, b’bozoz aktar effiċjenti u li jservu aktar. B’dan il-proġett, kienu nbidlu l-bozoz tat-toroq f’Għawdex u ta’ tliet toroq ewlenin f’Malta.

Bħalissa għaddejja t-tieni fażi tal-proġett, li tinvolvi l-bdil ta’ ‘l fuq minn 3,000 bozza li jdawlu aktar minn 100 triq ewlenija f’Malta, ħafna minnhom li jgħaqqdu lokalità ma’ oħra u l-bypasses. Din il-fażi se tiswa €1.8m, bi 80% tal-ispiża se titħallas minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Il-proġett qed jitwettaq mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, bl-Inġinier Charles Buttigieg jgħid li dan għandu jkun ta’ eżempju anke għad-djar.

“Meta inti tibdel bozza minn SON bħalma kienu qabel għal LED, qed nantiċipaw li jkollna energy savings ta’ madwar 70%. Dan jgħodd ukoll għad-djar tagħna. Illum l-LED tant żviluppat, tant saret reliable, li nistgħu nagħtu parir lil kull residenza biex tibda taħseb tibdel il-bozoz għal-LEDs,” qal l-Inġinier Buttigieg.

Il-bozoz il-ġodda jdawlu t-toroq b’mod aktar iffukat u b’lewn bajdani minflok oranġjo. L-Inġinier Buttigieg spjega li malli jidħol aktar il-lejl, il-bozoz stallati awtomatikament inaqqsu mill-qawwa tad-dawl u b’hekk tiġi frankata aktar enerġija. Fil-ħinijiet bl-anqas vetturi fit-toroq, il-qawwa tad-dawl tonqos bin-nofs. Minbarra t-tnaqqis fil-konsum, bil-proġett se jonqsu wkoll l-ispejjeż tal-bdil tal-bozoz l-antiki.

La titlesta din il-fażi, l-awtoritajiet se jaħsbu fit-tielet u l-aħħar fażi, li tinvolvi l-bdil tal-bozoz li jdawlu t-toroq fl-ibliet u l-irħula fejn b’kollox hemm mal-40,000 bozza.

Il-bdil tal-bozoz tat-toroq hi waħda minn sensiela ta’ inizjattivi meħuda mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma għal aktar effiċjenza fl-enerġija/ L-Inġinier Buttigieg qal li għandhom skemi anke għall-industrija.

“Waħda minnhom inħaddmuha mal-Malta Enterprise fejn l-industrija tista’ tagħmel inizjattivi relatati ma’ energy efficiency u jingħataw tax rebates fuq dak l-investiment. Ukoll l-Aġenzija għandha skema fejn intrapriżi żgħar u medji jagħmlu energy audit u dan jingħata grant, flus, tista’ tgħid jitħallas kollu dan l-energy audit,” spjega l-Inġinier Buttigieg.

B’dan l-audit, l-intrapriżi jingħataw pariri kif inaqqsu l-konsum. Spjega li fi skema oħra mħaddma mal-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, uffijcali tal-Aġenzija jżuru familji vulnerabbli identifikati mil-LEAP, l-Appoġġ jew is-Sapport. Żied jgħid li ssir spezzjoni tat-tagħmir domestiku u fejn jinstab li dan jaħli ħafna jinbidel. Minn 450 żjara din is-sena, f’250 inbidel tagħmir domestiku bla ebda spejjeż għall-familji. Ġeneralment jinbidel tagħmir wieħed f’kull familja.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Inqas minn tliet xhur wara li ġie fi tmiemu s-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-Żgħażagħ, eluf ta’ żgħażagħ qed jinġabru fil-Panama għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Il-Papa Franġisku jasal il-Panama għada bil-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet jintlaħqu…

Ikel

Fl-isfond tal-kontroversja li bdiet wara s-servizz tal-aħbarijiet ta’ TVM mal-Imam Mohammad Elsadi, dwar il-qtil tal-annimali bir-ritwal Musulman, komplejna nsegwu l-kwistjoni. Mhux eskluż li l-qtil tal-annimal bis-sistema tal-halal, għalkemm mhux isir…

Trasport

Is-sidien tal-pompi tal-petrol bdew b’azzjonijiet industrijali minħabba nuqqas ta’ ftehim mal-Gvern dwar it-talba għal żidiet fil-qligħ tagħhom. L-azzjoni ewlenija hi li l-pompi mhux se joffru s-servizz mill-magni awtomatiċi wara s-sitta…

Familja

Matul is-sena li għaddiet kien hemm xejn inqas minn 1,303 koppji li żżewġu fuq cruise liner li jtajjar il-bandiera Maltija. Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Prim Ministru Joseph Muscat għall-mistoqsija tad-Deputat…

Aktar