Il-BRO b’direttorju ġdid u lista ta’ kuntratturi aċċessibbli onlajn

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg, ħabbar li l-Uffiċċju tar-Regolamentazzjoni tal-Bini ser jiftaħ reġistru ġdid bid-dettalji tal-kuntratturi li jaħdmu fl-industrija tal-kostruzzjoni.

Il-Ministru qal li sa tmiem din is-sena, il-kuntraturi li jkunu fir-reġistru, ser jiġu liċenzjati wara li jgħaddu minn skrutinju li jinkludi l-verifiki tal-ħiliet tal-persuni li jaħdmu mal-kuntrattur.

Kemm l-għaqda tal-iżvilupatturi, kif ukoll il-kamra tal-Periti, laqgħu l-introduzzjoni ta’ dan ir-reġistru, li qalu ser jgħin biex tiżdied il-kontabbiltà fis-settur tal-kostruzzjoni.

Kull kuntrattur li jopera fl-industrija tal-kostruzzjoni għandu jirreġistra mal-uffiċċju tar-regolamentazzjoni tal-bini, il-BRO, biex ikunu fir-reġistru tal-kuntratturi li ser ikun aċċessibli għall-pubbliku onlajn.

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Ian Borg li qal li bi qbil mal-Għaqda tal-Iżvilupaturi u l-Kamra tal-Periti, id-direttorju ser jinkludi fost oħrajn is-servizzi li joffri l-kuntrattur, l-esperjenzi li għandu kif ukoll in-numru ta’ ħaddiema u inġenji.

F’konferenza tal-Aħbarijiet, il-Minsitru Borg qal li dan huwa parti mill-bidu ta’ din ir-riforma, filwaqt li spjega kif aktar tard din is-sena dan ir-reġistru ser iservi bħala bażi għal-liċenzjar tal-kuntratturi. Id-direttorju ser jinkludi wkoll il-kuntatt ta’ professjonist li ser ikun jista’ jagħti informazzjoni dettaljata dwar il-kuntrattur.

”Aħna ser inkomplu naħdmu biex ikun hemm klassifikazzjoni u liċenzja ta’ dawn il-kuntratturi, illi allura twassal li meta għandek dak ir-regime, eventwalment dawn tar-reġistru jiġu mistiedna jilliċenzjaw ruħhom. U hemmhekk imbagħad naslu f’fażi iktar importanti. Li jekk inti ma jkollokx il-liċenzja inti ma tistax taħdem.”

Is-Segretarju Parlamentari, Chris Agius qal li l-liċenzjar ser jidħol fis-seħħ sa tmiem din is s-sena, u li ser isir abbażi ta’ ħiliet bażiċi li ser ikunu stabbiliti f’avviż legali aktar tard din is-sena.

Il-President tal-Għaqda tal-Iżviluppaturi, Sandro Chetcuti qal li huma jilqgħu dan il-pass u li ser ikun qiegħed jgħin biex l-industrija titnaddaf minn kuntratturi li jitfgħu dell ikrah fuq l-industrija.

”Irid ikun hemm responsabilità assoluta fuq kull min qed jaħdem fis-sit tal-kostruzzjoni u bniedem irid jimxi mal-liġijiet, irid ikun jaf x’inhuma l-liġijiet mhux sempliċiment kemm qbadt gaffa u soqta imma trid tkun taf ta’ x’inhuma l-obbligi legali tiegħek.”

Il-President tal-Kamra tal-Periti, Simone Vella Lenicker qalet li d-direttorju u eventwalment il-liċenzjar ser itejbu l-livell ta’ taħriġ u l-kontabilità ta’ min jaħdem fl-industrija.

”Huwa importanti wkoll li n-nies li jaħdmu mal-kuntrattur ikollhom ċertu training forsi ta’ livell inqas però li jkun ukoll ta’ livell komprensiv skont ix-xogħol li jkollhom. Huwa importanti li nkunu l-inġenji li għandhom, allura x’tip ta’ proġetti jkunu kapaċi li jlaħħqu magħhom.”

Żiedet tgħid li l-Kamra għaddiet numru ta’ propsoti lill-Gvern li jinkludu l-ħiliet bażiċi li jrid ikollhom il-kuntratturi biex eventwalment jiġu liċenzjati.

L-applikazzjonijiet tal-kuntratturi biex jidħlu fir-reġistru ser jibdew jintlaqgħu mill-Uffiċċju tar-Regolamentazzjoni tal-Bini u l-Kostruzzjoni, nhar l-Erbgħa.