Budget
Il-Budget 2019 se jiffoka fuq il-kwalità tal-ħajja għal ambjent aħjar u proġetti isbaħ

Bdew it-tħejjijiet ghall-budget u saret l-ewwel minn sensiela ta’ laqgħat fi ħdan il-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. Fil-laqgħa l-imsieħba soċjali ressqu l-proposti tagħhom għall-budget lill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna li min-naħa tiegħu qal li ta ħjiel tal-prijorità tal-Gvern għal budget li mistenni jkun ippreżentat fil-Parlament wara li jerġa’ jibda jiltaqa’ f’Ottubru.

F’kummenti lill-ġurnalisti, il-Ministru Scicluna qal li talab lid-Direttur tal-Kuntratti biex jindaga dwar rapport li ngħatat direct order ta’ €274 miljun għall-estensjoni ta’ San Vinċenz de Paul.

Iċ-Ċhairman tal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, MCESD, John Bencini qal li fil-laqgħa bi tħejjija għall-budget li ġej, l-imsieħba soċjali ressqu proposti fuq diversi setturi iżda qal li kollha għandhom għan wieħed.

“Fil-maġġoranza assoluta tal-proposti, is-social partners, huma min huma, mhux qed iħarsu lejn in-niċeċ tagħhom imma qed iħarsu lejn il-ġid komuni tal-pajjiż,” qal is-Sur Bencini.

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li f’dawn il-laqgħat mal-MCESD, l-imsieħba soċjali jaraw id-direzzjoni li l-Gvern irid jagħti lill-budget.  TVM staqsa lill-Ministru tal-Finanzi x’inhuma l-prijoritajiet tal-Gvern għall-budget tas-sena d-dieħla.

Il-Professur Scicluna qal, “Did-darba se nagħtu l-aċċenn fuq li nibdew inħajru kultura ta’ kwalità, b’mod miftuħ, sew f’dak li huwa valur addizzjonali, anke fil-proġetti li qed nagħmlu, li jkunu in good taste, li nibżgħu għall-ambjent. Wara li inti tikseb l-affarijiet, in-neċessitajiet fil-ħajja, il-kwalità tibda tgħożżha iktar u l-ambjent importanti wkoll. Jiġifieri dak li tagħmel tara li tkun ta’ ċertu kwalità.”

Dwar it-tkabbir ekonomiku li qed ikollu l-pajjiż, il-Ministru Scicluna qal li huwa essenzjali li f’dan l-istadju ta’ żvilupp, Malta tibqa’ ssostni tkabbir ta’ mill-inqas 4% fis-sena. Kompla jgħid li r-rata tal-impjiegi qegħda dejjem tiżdied u telgħet għal 70%. Dwar l-inflazzjoni, il-Professur Scicluna qal li bħalissa din qegħda 1.6% u hi mbassra li titla’ għal 1.8% fl-2019.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali, Aaron Farrugia, qal li l-Budget 2019 huwa wieħed li jħares ‘il quddiem u fit-tul biex tkompli tissaħħaħ l-ekonomija robusta tal-pajjiż.

Mistoqsi dwar dak li ġie rappurtat il-Ħadd li għadda li l-Gvern approva direct order ta’ €274 miljun għall-estensjoni tal-kumpless San Vinċenz de Paul li għad trid tikseb il-permess u tinbena, il-Ministru Scicluna qal li talab lid-Direttur tal-Kuntratti biex jagħmillu rapport dwar dak li ġie rrappurtat.