Lokali
Il-Budget 2022 se jibgħat sinjal b’saħħtu fl-ambjent u fil-kwalità tal-ħajja – il-Ministru għall-Finanzi

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ħabbar li l-budget għas-sena d-dieħla se jagħti wieħed mill-akbar sinjal b’investiment ta’ miljuni ta’ ewro li se jintefqu sabiex mhux biss ikollna saħħa aħjar, iżda ambjent li jippermettilna saħħa aħjar.

Bit-tema, x’pajjiż tixtieq tħalli lil uliedek, il-Ministru Caruana ppreżenta d-dokument ta’ qabel il-budget għall-konsultazzjoni pubblika, bil-prijoritajiet tal-budget għas-sena d-dieħla mistennija jkun fost oħrajn it-tisħiħ tas-suq tax-xogħol ta’ pajjiżna, is-saħħa u żvilupp ekonomiku li jwassal għall-kwalità ta’ ħajja aħjar.

Fl-istess waqt wissa li waqt li l-Gvern mhux se jżid it-taxxi, il-Gvern se jagħmel ħiltu biex jiġbor il-flus dovuti lill-kaxxa ta’ Malta. Wissa li jrid jispiċċa n-nuqqas ta’ dikjarar u l-evażjoni fiskali. Qal li kif fil-passat naqas l-abbuż fir-reġistrar, irridu issa naslu biex tonqos l-evażjoni fiskali.

Fi preżentazzjoni dettaljata, il-Ministru Caruana qal li l-pandemija ħalliet impatt qawwi fuq il-ħajja ta’ kulħadd. Qal li minkejja l-isfidi dan il-pajjiż xorta għandu potenzjal kbir quddiemu. Qal li l-pajjiż se joħroġ aktar b’saħħtu mill-pandemija meta mqabbel ma’ ħaddieħor.

Qal li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta kien it-tieni l-aktar b’saħħtu fl-UE u qabeż bil-bosta dak ta’ pajjiżi oħra fl-UE. Qal l-pandemija tat daqqa kbira lill-ekonomija, iżda l-magna ekonomika tal-pajjiż baqgħet intatta u ssaħħet. Qal li għall-kuntrarju ta’ pajjiżi oħrajn, il-Gvern Malti ma qagħadx lura milli jagħmel użu mill-politika ekonomika tiegħu.

Tkabbir Ekonomiku

Il-Ministru għall-Finanzi qal li t-tkabbir ekonomiku s-sena d-dieħla se jaqbeż bil-kbir it-tkabbir ekonomiku tal-pajjiżi tal-UE. Qal li l-ekonomija mistennija tikber b’6.8% fl-2022.

Qgħad

Dr Caruana qal li tul-pandemija Malta ħadet ħsieb is-suq tax-xogħol u llum, il-persuni jirreġistraw għax-xogħol komplew jonqsu. Spjega li għax Malta ħadet azzjoni li swiet miljuni kbar permezz tas-suppliment tal-pagi, il-qgħad f’Malta tul il-pandemija jinsab fl-inqas livelli possibbli.

Xogħol

Huwa żied jgħid li f’Malta kellna l-ikbar żieda fost il-pajjiżi tal-UE. Qal li fil-pajjiżi kważi kollha tal-UE, l-ammont ta’ nies jaħdmu fl-aħħar xhur naqas, imma mhux f’Malta. Minkejja dak il-mewġ kollu kontra, qal li Malta rnexxielha taqbeż lil kulħadd. Sostna li fiċ-ċokon tiegħu u għax kapaċi nieħdu deċiżjoni fil-mument opportun, il-pajjiż irnexxielu jkun aħjar minn pajjiżi oħra tal-UE.

Il-Ministru żied jgħid li Malta kellha tieni l-akbar tnaqqis fl-UE ta’ nies li ma jkunux ekonomikament attivi tant li s-suq tax-xogħol f’Malta huwa l-aktar wieħed b’saħħtu fl-UE.

Qagħda Finanzjarja

Il-Ministru Caruana żied jgħid li l-pandemija ġegħlitna nżidu l-ispiża tal-Gvern drastikament. Qal li d-dħul naqas u minn surplus għaddejna għal defiċit. Huwa fisser bħala deċiżjoni kuraġġuża li mmorru għad-deċiżjonijiet li jiswew il-miljuni, u li permezz tagħhom, is-suq tax-xogħol beda jissaħħaħ u se jerġa’ jġib aktar dħul għall-Gvern.

Qal li s-sena d-dieħla, id-defiċit se jonqos minn 12% għal 5.6% – aktar min-nofs. Qal li dan se jseħħ mhux għax se jiddaħħlu taxxi ġodda imma għax l-ekonomija se tagħtina aktar dħul u l-ekonomija terġa’ tibda tistabbillizza ruħha.

Dwar id-dejn tal-pajjiż qal li dan se jibqa’ fil-livell stabbli ta’ 65%. Il-Ministru qal li minkejja li qegħdin f’pandemija d-dejn f’Malta huwa taħt kontroll. Semma kif f’ħafna mill-pajjiżi tal-UE qabżu l-100% tad-dejn, inkluż il-Ġermanja li qed toqrob il-100%.

Huwa tenna li l-Gvern mhux se jaqta’ l-ispiża u mhux se jiddaħħlu taxxi, iżda li l-Gvern se jieħu ħsieb it-tkabbir ekonomiku.

Ħabbar li l-pandemija se tkun ġiet tiswa’ lill-pajjiż €1.5 biljun f’sentejn. Qal li l-flus marru biex inżommu lill-familji u l-ekonomija tiegħu għaddejjin.

Il-Ministru qal li se jerġa’ jkollna budget pożittiv mhux għax huwa l-aħħar wieħed tal-leġiżlatura.

Suq tax-Xogħol

Il-Ministru għall-Finanzi qal li s-suq tax-xogħol huwa l-mutur li permezz tiegħu, il-pajjiż jista’ jkompli jiġġenera aktar dħul.

Ħabbar li l-politika għas-suq tax-xogħol kważi lesta u se titnieda ġimgħa qabel il-budget. Il-Ministru qal li fil-passat, pajjiżna kellu fost lanqas rata ta’ nies jaħdmu. Qal li bid-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-aħħar snin, il-pajjiż qiegħed minn ta’ quddiem imma fid-disa’ snin li ġejjin se jkun l-ewwel ukoll.

Qal li kif l-UE nediet il-viżjoni għall-2030, Malta se tniedi l-viżjoni tal-Gvern ta’ fejn se jasal u kif se jaħdem. Qal li l-miżuri li se jitħabbru fil-policy l-ġdida se jsiru għax kollha hemm ħsieb warajhom u riżorsi għalihom. “Kull min iħaddem se jkollu serħan tal-moħħ li s-suq tax-xogħol ta’ Malta se jissaħħaħ bil-konsegwenza li tikber l-ekonomija u l-gvern ikollu aktar flus”, qal il-Ministru Caruana.

Il-qafas soċjali

Il-Ministru għall-Finanzi semma kif biż-żieda ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol, naqsu b’aktar min-nofs dawk li kienu jiddependu mill-benefiċjji soċjali. Qal li minn 15,114 fl-2013, dawn niżlu għal 6,469 u għadhom jonqsu minkejja l-pandemija.

Semma kif bejn l-2014 u l-2020 l-ispiża fuq l-għajnuna soċjali u l-assistenza għall-qgħad naqset b’ €36,500,000. Qal li l-Gvern irid ikompli jaħdem biex in-nies fir-riskju tal-faqar ikomplu jonqsu.

Pensjonijiet

Illum il-piż tal-pensjonijiet f’Malta qed joqrob il-biljun ewro, jiġifieri 6.5% tal-GDP. Il-Ministru qal li l-Gvern għandu riżorsi għalihom u se jkompli jżidhom. Qal li l-Budget 2022 se jaħseb sew għalihom.

L-Ambjent

Dan il-budget b’fondi mill-UE se jibgħat l-ewwel sinjal tal-ammont ta’ miljuni li se jintefqu biex l-ambjent jippermettilna kwalità ta’ saħħa aħjar. Qa li l-ambjent se jkun fost il-pilastri tal-budget tal-11 ta’ Ottubru. “ Se nkunu qed nibdlu l-kultura tal-pajjiż f’dan il-qasam ukoll”, qal il-Ministru Caruana.

Is-Saħħa

Qal li l-qasam tas-saħħa huwa l-iktar qasam li jassorbi riżorsi lill-Gvern. Qal li l-ispiża żdiedet u qed tiżdied għax sirna ngħixu aktar u kulħadd jippretendi bid-dritt li dak l-għajxien ikun aħjar. Ħabbar li fil-budget għas-sena d-dieħla se jitħabbru numru ta’ mediċini oħra ġodda li jiswew il-miljuni li se jiżdiedu mal-formolarju tal-Gvern.

Fejn iridu mmorru?

Għal pajjiż fejn il-kwalità għal tkabbir ekonomiku trid tirrifletti fi kwalità aħjar tal-ħajja tan-nies. Qal li n-nies trid iktar. In-nies trid xi ħaġa aħjar u dak li l-budget se jkun qed jagħmel. Il-livell ta’ għajxien – l-iżvilupp ekonomiku ifisser tkabbir ekonomiku, kwalità ta’ ħajja aħjar, qasam soċjal u ħajja aħjar, ambjent aħjar. Dan kollu nistgħu nagħmluh għax il-pajjiż għandu r-riżorsi tiegħu”, qal Caruana.