X

Il-Budget jitħabbar fit-22 ta’ Ottubru – il-Ministru Scicluna jgħid li s-suq tal-propjetà qed tlaħħaq mad-domanda

Il-budget għas-sena d-dieħla ser jitħabbar fil-Parlament fit-22 ta’ Ottubru. Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ħabbar dan waqt business breakfast fuq id-dokument ta’ qabel il-budget. Il-Professur Scicluna qal li l-enfasi tal-budget trid tkun it-trawwim ta’ kultura ta’ kwalità. Hu qal li l-pajjiż jeħtieġ li jibqa’ jkollu budget bilanċjat u għaldaqstant importanti li wieħed iżomm saqajh mal-art f’dawk li huma aspettattivi. Il-Ministru tal-Finanzi mhux jimmira li jkollu surplus kbir iżda li l-ġid li qed jitkattar bit-tkabbir ekonomiku ikompli jinfirex fuq kulħadd.

Il-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna ppreżenta lill-imsieħba soċjali l-indikaturi ekonomiċi li juru tkabbir ekonomiku sostnut. Madankollu l-Professur Scicluna saħaq li ċ-ċifri tat-tkabbir ekonomiku jeħtieġu jkunu miflija u interpretati bir-reqqa. Il-Ministru tal-Finanzi qal li f’dan l-istadju tal-iżvilupp hemm bżonn li wieħed iżomm saqajh mal-art u l-aspettattivi jridu jkunu immaniġġjati anke jekk ammetta li dan mhux dejjem faċli.

Il-Ministru Scicluna qal li meta l-ekonomija tkun għaddejja b’ritmu b’saħħtu jinħolqu sitwazzjonijiet li jridu jigu indirizzata mhux bil-kliem imma bil-fatti.

Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna “l-budget tal-futur se jibda jindirizza aktar u aktar l-istresses, il-problemi u ċ-challenges li wieħed jibda jara sforz tas-suċċess ekonomiku.”

Il-Ministru qal li l-inflazzjoni tinsab imrażżna bis-saħħa tal-ħaddiema barranin u jekk dawn jonqsu l-pressjoni tal-inflazzjoni tinħass ħafna aktar. Qal li t-tkabbir ekonomiku u l-kompettività ma jistgħux ikunu sostnuti jekk mhux bil-ħaddiema barranin. Waqt li semma t-tkabbir nominali ta’ 8 fil-mija fit-tieni kwart tas-sena, il-Ministru qal li l-livell tal-inflazzjoni sakemm ikun sa tnejn fil-mija, mhux allarmanti. Jekk ikun wisq inqas jew ogħla ikun ta’ tħassib.

Il-Professur Scicluna wissa li t-tkabbir tal-ekonomija m’għandux jittieħed bħala xi ħaġa garantita. Spjega li l-Gvern ma jridx li jkollu surplus kbir u d-dħul li t-tkabbir qed jiġġenera għandu jintefaq biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu. Hu qal li l-persuni fir-riskju tal-faqar iridu jkomplu jonqsu u tenna li l-Gvern ser jerġa’ jżid il-pensjonijiet li kienu staġnati għal 25 sena. Il-Professur Scicluna qal li d-dħul tal-Gvern qed ilaħħaq mal-infieq rikurrenti anke mingħajr id-dħul mill-programm taċ-ċittadinanza b’investiment.

Dwar is-suq tal-proprjetà, il-Professur Scicluna qal li dan sejjer tajjeb u jidher li l-provvista qed tlaħħaq mad-domanda. Żied jgħid li tkabbir ekonomiku mhux ġej biss minn dan is-settur iżda mill-oqsma kollha tal-ekonomija fosthom is-servizzi finanzjarji u l-iGaming. Qal li f’dan l-isfond, l-ekonomija Maltija m’għandiex bżonn stimulu biex tirranka, għalkemm wissa li ċerti żviluppi internazzjonali fosthom il-Brexit u l-protezzjoni fil-kummerċ jistgħu jolqtu ħażin l-andament ekonomiku.