Lokali
“Il-budget huwa sostenibbli għax kull miżura għedna kemm se tiswa” – il-Ministru Caruana

L-għada tal-budget, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li l-Budget huwa sostenibbli għax kull miżura qal kemm se tiswa u kemm se jibbenefikaw nies.

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata flimkien mad-Deputat Prim Ministru, ikkritika lill-Partit Nazzjonalista li qal ma ppreżentax il-kont tal-miżuri li ppropona qabel il-budget.

Qal li huwa mhux se jieħu lezzjonijiet fuq il-qasam finanzjarju mill-Partit Nazzjonalista.

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li ladarba s-suq tax-xogħol għadu b’saħħtu, l-ekonomija se tkompli tikber u l-finanzi tal-pajjiż jibqgħu sodi. Il-Ministru Caruana qal li qabel il-budget il-Partit Nazzjonalista kien jitkellem dwar l-għoli tal-ħajja u wara l-budget qal li l-Oppożizzjoni biddlet id-diska u qed tgħid li l-budget mhux sostenibbli. Stqarr li dan mhux il-każ, għax il-budget imur għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Caruana qal li l-Partit Nazzjonalista m’għandux kredibilità fil-qasam fiskali ta’ pajjiżna għax fl-2012 daħħal lill-pajjiż fil-proċedura ta’ deficit eċċessiv. Żied li taħt amministrazzjoni Nazzjonalista d-dejn kien mas-70%, waqt li llum wara l-pandemija d-dejn huwa mbassar li se jkun ta’ 62% tal-Prodott Domestiku Gross.

Spjega kif waqt dibattitu fuq TVM mal-kelliem Nazzjonalista għall-Finanzi wara l-budget, Dr Mario De Marco fl-ebda ħin ma ta l-figura ta’ kemm jiswew il-proposti tal-Partit Nazzjonalista u kemm kien ikun id-defiċit li kieku kellhom jitwettqu. Qal li huwa mhux se jieħu lezzjonijiet dwar kif għandhom jitmexxu l-affarijiet fil-qasam finanzjarju mill-Partit Nazzjonalista li qal għamel diżastru meta kellu ċ-ċans jipprova lilu nnifsu – bil-qgħad żdied u kontijiet aktar għoljin. Qal li llum imqabbel ma’ qabel il-pandemija, fil-pajjiż hawn iktar nies jaħdmu u inqas nies jirreġistraw.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-budget huwa ta’ pajjiż li qed jieħu ruħ. Dr Fearne qal li l-pajjiż għadda mill-agħar żmien tal-pandmemija u jista’ jirkupra għax matul l-aħħar sena u nofs il-Gvern ħa deċiżjonijiet tajbin fil-ħin it-tajjeb. Huwa rrimarka li skont l-indiċi ta’ rkupru mill-Covid tal-ġurnal finanzjarju Nikkei Malta huwa l-iktar pajjiż fid-dinja li qed jirkupra malajr mill-pandemija.

Mistoqsi dwar il-konċessjonijiet għall-isptar Karin Grech u l-isptar ġenerali ta’ Għawdex, il-Ministru Fearne wieġeb li m’hemmx ftehim ġdid ma’ Steward dwar dan. Dwar l-operazzjonijiet li ġew posposti matul il-pandemija, il-Ministru Fearne qal li dawn naqsu bin-nofs hekk kif is-swali tal-operazzjonijiet huma kollha miftuħin, saru mijiet ta’ operazzjonijiet fil-Ħdud u l-festi, u qed isiru għadd ta’ operazzjonijiet fi sptarijiet privati.