Budget
Fil-budget li jmiss il-ħaddiem se jkun prijorità ewlenija – il-Prim Ministru

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li għall-budget li jmiss il-ħaddiem se jkun ta’ prijorità ewlenija.

Għaxart ijiem ‘il bogħod mill-preżentazzjoni tal-budget għas-sena d-dieħla, f’Kastilja llum il-Prim Ministru ltaqa’ mal-General Workers Union u l-Assoċazzjoni tal-Iżviluppaturi, u magħhom Dr Ablea saħaq fuq il-ħtieġa ta’ iktar miżuri biex il-ħaddiema ma jitilfux xogħolhom, filwaqt li sostna li huwa jaqbel mas-sħubija mandatorja tal-ħaddiema ma’ trade union.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern irid jibbilanċja bejn drittijiet tal-ħaddiema u l-bżonnijiet ta’ min iħaddem. Waqt laqgħa mal-General Workers Union bi tħejjija għall-Budget 2021, Dr Abela qal li t-tema ta’ serħan il-moħħ għal kulħadd hija kruċjali għall-Gvern, tant li se jibqa’ jingħata s-suppliment tal-pagi.

Dr Abela qal li t-telework hu kunċett li jogħġobu, iżda żied li hu importanti li kulħadd ikun involut fid-diskussjoni biex waqt li jkunu ppreżervati d-drittijiet tal-ħaddiema, ma jinħolqux piżijiet lil min iħaddem li jispiċċaw jaqtgħulhom qalbhom.

Il-Prim Ministru qal li jaqbel ma’ sħubija mandatorja ma’ trade union li ilha tiġi proposta mill-General Workers Union u qal li importanti li l-miżata tas-sħubija tibqa’ baxxa.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li kulħadd jaqbel li l-pajjiż għandu sfida kbira riżultat tal-pandemija imma meta tanalizza l-affarijiet, tagħraf l-għaqal tal-Gvern biex poġġa f’sisien sodi l-finanzi tal-pajjiż.

Is-Sur Bugeja qal li għandu jinstab bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija; u semma kif il-ħinijiet tax-xogħol tan-nies li qed jaħdmu mid-dar qed jiġu estiżi tant li appella biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni.

F’laqgħa oħra, mal-Assoċazzjoni tal-Iżviluppaturi l-MDA aktar tard, Dr Abela qal li din l-assoċazzjoni timxi bi professjonalità għax tara l-affarijiet b’mod wiesa, mhux biss f’dak li se jibbenefikaw il-membri tagħha iżda anke kif jistà jgawdi wkoll il-pajjiż.

Il-Prim Ministru Abela semma bħala eżempju l-proposta li saret mill-MDA biex it-taxxa tal-boll tonqos minn 5% għal 1.5% fi żmien il-pandemija li qal tat riżultat immedjat tant li din il-miżura ħalliet impatt fuq l-impjiegi. Dr Abela qal li flok żdied il-qagħad kif ġara f’pajjiżi oħra, dan naqas b’0.4% f’Malta.

Il-President tal-MDA Sandro Chetcuti qal li studju li wettqu s-sena l-oħra u li ġie aġġornat fi żmien il-pandemija wera li sal-2019, l-impiegi fl-industrija tal-bini telgħu minn 43,000 għal 50,000. Kompla li mill-istħarriġ ħareġ li f’Mejju, 21% kienu diġà qed jaħsbu biex inaqqsu l-ħaddiema, 22 oħra tawhom il-leave biex joqgħodu d-dar, 51% komplew b’mod normali u 2% raw li jibqgħu jinvestu.

Qal li t-tnaqqis fit-taxxa tal-boll waslet għal rekord ta’ konvenji mill-2017 l’hawn għal 4 xhur infila.