Politika
Budget li mhu ser jieħu xejn lil ħadd – il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Baġit li se jitħabbar għada se jkun mibni fuq il-prinċipji tas-sostenibbiltà, li jippremja lill-familji li jkunu biezlin u li jgħin lil dawk li l-aktar għandhom bżonn. Dr Muscat qal li l-poplu jista’ jserraħ rasu li għada l-Gvern mhu se jieħu xejn minn għandu. Waqt li ħabbar li ser jerġa’ jżid il-pensjonijiet, indika wkoll li ser titħabbar data meta ma jkunx aktar permess li jiġu impurtati karozzi li jaħdmu bil-petrol u bid-diesel.

Il-Prim Ministru u mexxej laburista Joseph Muscat qal li l-budget ser ikun mibni fuq il-pjan li huwa l-manifest elettorali tal-Partit Laburista.
F’attività politika f’Ħal Għaxaq, Dr Muscat tkellem dwar it-tibdil fil-klima u qal li din mhix biss kwistjoni ambjentali iżda ekonomika wkoll. Qal li l-Gvern fil-budget se jagħti sinjal li l-pjan ekonomiku se jkun mibni fuq bidliet ekonomiċi li se jkun hemm fl-Ewropa. Fost dawn semma l-qalba minn karozzi li jniġġsu għal dawk li jaħdmu bl-idroġenu u l-elettriku.

Dr Muscat qal li din iġġib magħha diversi sfidi, fosthom għaliex ħafna mill-blokki ta’ appartamenti m’għandhomx sistema tad-dawl three-phase kif ukoll dwar kif din se tolqot lis-settur tal-vetturi second hand. Qal li l-Gvern qed jaħseb għal dawn l-isfidi u indika li anke ser ikun hemm rata preferenzjali għax min jixtri karozza elettrika u jicharġja bil-lejl.

Il-Prim Ministru qal li fil-budget se jħabbar miżuri biex jgħin liż-żgħażagħ li qed isibuha diffiċli biex jikru. Qal li l-penzjonanti se jkunu prijorità u se jerġa’ jżidhom. Kompla li ma dawn, il-Gvern se jgħin lill-persuni b’diżabiltà. Qal li jkun qed jagħti aktar dinjità lil persuni li ma jistgħux jaħdmu.

Il-Prim Ministru qal li l-poplu m’għandux jinsa minn fejn telaq. Semma kif seba’ snin ilu kien hawn sitwazzjoni ta’ żieda fil-qagħad, kontijiet tad-dawl fost l-ogħla fl-Ewropa, u investituri li ma riedux jinvestu f’Malta. Dr Muscat qal li dawn il-problemi ġew solvuti kollha. Identifika problemi ġodda li l-pajjiż qed jiltaqa’ magħhom, fosthom in-nuqqas ta’ ħaddiema.

Dr Muscat qal li fl-aħħar seba’ snin il-Gvern irdoppja l-ekonomija li llum tipproduċi €14-il biljun  fis-sena. Qal li l-Gvern mhux se jħalli dejn kif għamlet il-ġenerazzjoni ta’ qabel billi jara li dak li jipproponi jkun sostnut għas-snin li ġejjin. Il-Prim Ministru qal li l-Oppożizzjoni ma tafx fejn hi sejra, u waqt li l-Gvern qed iħares lejn il-problemi tal-futur, il-Partit Nazzjonalista għadu mhedi bil-passat.

Il-Mexxej Laburista qal li mhux sodisfatt bil-koordinazzjoni li għandu l-pajjiż fil-qasam tat-tindif li hu spezzettat ma’ diversi entitajiet, fosthom il-kunsilli, l-Awtorità tat-Turiżmu, il-Ministeru tal-Ambjent u d-Diviżjoni tat-Tindif. Qal li se tiġi organzzizata konferenza nazzjonali fil-jiem li ġejjin bil-għan li jkun hemm koordinament aħjar f’dan il-qasam.

Aħbarijiet Oħra
Infrastruttura

Sas-sajf li ġej mistennija jkunu lesti għall-użu taċ-ċiklisti u l-pubbliku, żewġ pontijiet pedonali li qed isiru bħalissa għal żewġ toroq ewlenin fi Blata l-Bajda u qrib l-ajruport f’Ħal Luqa.Il-pontijiet qed…

Saħħa

Saċerdot li kien jgħallem l-Università jħoss li l-ġerħa tas-solitudni, hi fonda tant, li qed tinħass ukoll fost iż-żgħażagħ. F’kummenti lil Television Malta, Dun René Camilleri stqarr li f’ċerti każijiet, din…

Lokali

L-istudenti tal-primarja u l-ġenituri tagħhom għandhom ċans isiru jafu iktar dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol li joffru l-industriji tax-xjenza u t-teknoloġija permezz ta’ expo li qed tiġi organizzata fl-Esplora fil-Kalkara. Fiċ-Ċentru…

Politika

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar kif se jinħatar il-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija, b’metodu li fi kliemu hu aktar trasparenti mis-sistema ta’ bħalissa fejn il-ħatra ssir direttament mill-Prim Ministru. Dr Abela qal…

Aktar