Unjoni Ewropea
Il-budget ta’ Malta għall-2021 jikseb l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea approvat il-budget imressaq mill-Gvern għas-sena d-dieħla.

Mill-analiżi tal-esperti tal-Kummissjoni jirriżulta li l-budget hu konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u nnutaw li ħafna mill-miżuri huma maħsuba biex jirrendu f’attività ekonomika fl-isfond tal-inċertezza kkawżata mill-pandemija. Il-Kummissjoni qed tirrakkomanda li l-Gvern janalizza spiss kemm qed ikunu effettivi l-miżuri u jadattahom skont iċ-ċirkustanzi li se jkun qed jiffaċċja l-pajjiż fix-xhur li ġejjin.

Xahar wara li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ppreżenta il-budget tal-gvern għas-sena d-dieħla, il-Kummissjoni Ewropea tat l-approvazzjoni tagħha.

F’rapport tekniku li saru fuq kull pajjiż membri, l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea qalu li fil-każ ta’ Malta ħafna mill-miżuri li tħabbru fil-budget qed jagħtu sostenn lill-attività ekonomika li bħalissa għaddejja minn perjodu ta’ inċertezza. Qalu li l-Gvern irid ikun lest li jadatta l-miżuri li bihom qed tappoġġja l-attività ekonomija skont kif jiżviluppaw iċ-ċirkostanzi.

L-ekonomisti kkalkulaw li l-għajnuniet diretti tal-gvern laħqu l-5.8% tal-ġid nazzjonali. Dan minbarra miżuri ta’ likwidità, fosthom 1.5% tal-ġid nazzjonali f’diferiment tat-taxxi u 2.8% tal-ġid nazzjonali fi djun issussidjati u garantiti mill-Bank Malti għall-Iżvilupp.

Fir-rapport, l-esperti tal-Kummissjoni jsostnu wkoll li l-miżuri biex iwieżnu lin-nies mill-effetti li ġabet magħha l-pandemija jammontaw għal madwar 2.2% tal-prodott domestiku gross.

Fost l-oħrajn, ir-rapport isemmi li s-suppliment tal-pagi ser ikompli jsostni l-impjiegi, flimkien mal-iskema tal-vouchers u t-tnaqqis fit-taxxa tal-boll. Jissemmew ukoll it-titjib fil-benefiċċji għall-familji u l-pensjonanti, kif ukoll l-investiment pubbliku qawwi fl-infrastuttura.

Ir-rapport jinnota wkoll kif il-Gvern qed jalloka fondi sostanzjali favur l-ambjent, bil-għan li jinċentiva l-ekonomija ċirkolari li għandha tgħin biex Malta timxi lejn l-miri ambjentali Ewropej.

Dwar id-defiċit, il-Kummissjoni qieset is-sitwazzjoni bla preċedent li għaddej minnu l-pajjiż bil-miżuri li qed jadotta biex jindirizza l-isfidi tal-Covid u għalhekk iddeċidiet li mhux se jittieħdu passi fil-konfront ta’ Malta f’dan ir-rigward.

L-esperti tal-Kummissjoni kkonkludew li l-istimi tal-Gvern Malti fuq id-dejn nazzjonali huma fuq l-istess linja ta’ kif qed tbassar hi u mhux ser jaqbżu s-60% tal-ġid nazzjonali.