Unjoni Ewropea
Il-budget tal-UE 2021-2027…il-mexxejja f’summit virtwali

F’Ġunju ta’ kull sena l-mexxejja Ewropej normalment jiltaqgġu fi Brussell biex jiddiskutu u jieħdu deċiżjonijiet importanti. Din id-darba l-pandemija żammithom ilkoll f’pajjiżhom iżda t-taħditiet qed isiru xorta. F’dawn is-sigħat il-mexxejja Ewropej inkluż il-Prim Ministru Robert Abela qed jiltaqgħu f’summit virtwali li fuq l-aġenda għandu l-budget tal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li ġejjin u l-pjan ta’ rkurpru mill-effetti ekonomiċi tal-pandemija. Aktarx li l-mexxejja Ewropej jerġgħu jiltaqgħu fiżikament ix-xahar id-diehel fit-tentattiv li jissiġġillaw ftehim dwar il-budget.

L-aħħar darba li ltaqgħu fi Brussell biex jiddiskutu l-budget tal-Unjoni Ewropea kien f’summit speċjali li sar apposta fi Frar. Kien l-ewwel summit għall-Prim Ministru Robert Abela xahar wara l-ħatra tiegħu. Imxekkla mill-pandemija, minn dakinhar saru numru ta’ laqgħat bejn il-mexxejja Ewropej, kollha minn wara l-iskrivaniji fl-uffiċini tagħhom.

U hekk ukoll bdiet il-Ħamis filgħaxija l-laqgħa għolja ta’ nofs Ġunju, summit virtwali li qed jiffoka fuq budget ta’ kważi elfejn miljun ewro, elf miljun minnhom budget għas-seba’ snin li jibdew f’Jannar u 750 miljun ewro oħra bħala parti mill-pjan ta’ rkupru propost mill-Kummissjoni Ewropea.

Għall-ewwel darba f’budget Ewropew, minħabba l-pandemija, dan il-pjan għal irkupru ekonomiku se jdaħħal l-element ta’ self. Kif spjega Glenn Micallef, responsabbli mid-Dipartiment ta’ Kordinazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea, il-mexxejja Ewropej iridu jaqblu kemm se jkunu l-fondi li jingħataw bħala għotjiet u kemm bħala self

Waqt Ras imb ras is-Sur Micallef spjega li Malta se tibqa’ tinsisti li l-pjan ta’ rkupru m’għandux iwassal għal bidliet fil-politika rigward tassazzjoni.

“Se nagħmlu dan l-istrument temporanju biex nindirizzaw ir-realtà tal-Covid 19 tal-lum però ma nisgħux noħolqu mekkaniżmi permanenti u taxxi ġodda biex niffinanzjaw xi ħaġa li hija temporanja”.

Is-Sur Micallef jemmen li l-pandemija saħħet l-argument tal-Gvern Malti li Malta għandha tibbenefika mill-fondi Ewropej minkejja t-tkabbir ekonomiku sostnut u li fl-aħħar snin kien ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea. “Għandek ċertu realtajiet li kienu jgħoddu dakinhar u għadhom jgħoddu llum. pereżempju meta nitkellmu fuq fondi u s-suq uniku, pajjiż li qiegħed fiċ-ċentru tal-kontinent. Pajjiż bħal Malta fil-periferija trid taqbad mill-anqas żewġ modi ta’ trasport.”

Huwa sostna li l-pakkett ta’ rkupru jista’ jgħin lill-istati membri u b’hekk jaslu għal qbil ġenerali dwar il-budget kollu ferm aktar kmieni milli mistenni. “Irridu napprezzaw li issa daħlet l-urġenza biex ikollna qbil u jibdew jintefqu l-fondi biex l-ekonomija gains momentum”.

Is-summit virtwali dwar il-budget u l-pjan ta’ rkupru mistenni jilħaq il-qofol tiegħu il-Ġimgħa filgħodu. Madanakollu l-indikazzjonijiet huma li f’Lulju l-mexxejja Ewropea se jerġgħu jiltaqgħu, bil-mod tradizzjonali madwar il-mejda fi Brussell, fit-tentattiv li jissiġġillaw ftehim aħħari.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-ġurnalist veteran Reno Bugeja rrapporta għax-xogħol għall-aħħar darba mal-istazzjon nazzjonali wara karriera ta’ 44 sena. Is-Sur Bugeja se jirtira bl-età f’nofs dan ix-xahar wara li għall-aħħar seba’ snin mexxa l-Kamra tal-Aħbarijiet…

Lokali

Issokta r-restawr tal-fortifikazzjonijiet li jinkludu l-Ospizio fil-Furjana biex sas-sajf ta’ sentejn oħra jinfetaħ għall-pubbliku dak li qed jissejjaħ bħala l-ewwel mużew tal-arti kontemporanja f’Malta bl-isem ta’ MICAS. Il-proġett jinkludi fost…

Avjazzjoni

L-Air Malta kitbet paġna oħra fl-istorja tagħha meta ajruplan tal-linja nazzjonali tar għall-ewwel darba lejn l-Indja biex ħa lura f’Kerala 110 ċittadin Indjan f’titjira ta’ ripatrijazzjoni mħallsa mill-gvern. Tkellimna ma’…

Aktar