Lokali
Il-bulettin mediku dwar il-COVID-19 m’hemmx aktar ħtieġa tiegħu

Bin-numri ta’ każijiet baxxi li qed jirreġistra pajjiżna ta’ kuljum, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ħabbret li s’issa m’għadx fadal il-ħtieġa tal-bulettin mediku li kienet tagħti ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’Malta.

Il-Professur Gauci kienet ilha sa minn Marzu tas-sena li għaddiet tati dawn l-aġġoranamenti meta tfaċċa l-ewwel każ pożittiv f’pajjiżna. Matulhom il-pubbliku kien jingħata rendikont dettaljat tal-każijiet pożittivi f’pajjiżna u kif l-awtoritajiet tas-saħħa kienu qed jissieltu dan il-virus li ġab miegħu ħerba madwar id-dinja.

Mal-wasla tal-vaċċin f’Diċembru li għadda, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika bdiet tagħti wkoll rendikont dettaljat tal-għoti tat-tilqima lill-popolazzjoni Maltija kontra l-coronavirus.

Tul il-bulettin mediku, il-Prof. Gauci kienet ukoll tappella lill-pubbliku biex jibqa’ jsegwi l-miżuri restrittivi fosthom l-ilbies il-maskra, il-ħasil tal-idejh ta’ spiss u żamma tad-distanza soċjali bil-għan li dan il-virus ma jkomplix jinxtered fil-komunità.