AĠĠORNAT: Il-CABS jinnota 127 sit għall-insib fil-ġżejjer Maltin

Fi stqarrija l-kumitat kontra l-qtil tal-għasafar, il-CABS, qal li permezz ta’ titjiriet li saru aktar kmieni dan ix-xahar, ġiet innotata żieda fl-insib illegali għall-għasafar tal-għana.

Qal li minkejja li b’dawn it-titjiriet koprew biss 30 fil-mija tal-ġżejjer Maltin, sabu 127 sit attiv tal-insib. Is-sena l-oħra f’eżerċizzju simili, kienu sabu biss 51 sit.

Il-CABS qal li kważi s-siti kollha li ġew innotati dan ix-xahar kienu attivi f’Ottubru li għadda meta l-insib kien permess mill-Gvern.

Uffiċjal tal-CABS Fiona Burrows qalet li d-deroga għall-insib fil-Ħarifa reġgħet qajment id-domanda għall-għasafar tal-għana bil-kutrabandu u dan wassal għal żieda qawwija fil-prezzijiet li kompla jinkoraġixxi l-insib illegali.

Żiedet tgħid li l-ftuħ tal-istaġun tal-insib fil-Ħarifa li għaddiet wassal ukoll għal żieda kbira fit-traffikar ta’ għasafar tal-għana protetti mill-Italja u f’sitt xhur l-awtoritajiet qabbdu minn ta’ lanqas 2093.

Spjegat li f’dawn l-aħħar ġimgħatejn, timijiet tal-CABS kienu qed jagħmlu monitoraġġ mill-art u kull meta raw lil xi ħadd jonsob, ġibdu l-filmati u ċemplu lill-pulizija.

birds in cages trappingSa llum lill-pulizija ċemplulhom 11-il darba u dan irriżulta fl-arrest ta’ seba’ nassaba u l-konfiska ta’ tagħmir relatat mal-insib kif ukoll għasafar.

Fl-istqarrija CABS qal li l-aktar żoni li fihom isir insib illegali huma Ħad-Dingli fejn innotaw 20 sit, Birżebbuġa, 11-il sit, il-Fawarra, disa’ siti, iż-Żurrieq, tmien siti, il-Baħrija sitt siti, iż-Żejtun, ħames siti filwaqt li f’Għawdex innotaw 32 sit.

Burrows qalet li CABS jinsab informat li ħafna nassaba Maltin imorru jonsbu Għawdex għax hemm m’hemmx it-taqsima tal-infurzar tal-liġi amminsitrattiva tal-Pulizija magħrufa bħala ALE.

Skont CABS, il-pulizija qed jirrispondu aktar malajr mir-rebbiegħa li għaddiet u dan qed iwassal biex aktar nassaba qed jinqabdu fis-sit. Iżda qal li t-tgħamir u l-għasafar kienu konfiskati mill-pulizija meta n-nassab ikun laħaq ħarab.

CABS kwota lill-pulizija li qalulhom li la l-istaġun tal-Ħarifa fetaħ għall-insib, issa huwa legali li wieħed ikollu xibka u għasafar tal-għana biċ-ċurkett u għaldaqstant il-konfika tagħhom mhix dejjem possibli.

CABS qal li din it-toqba tfisser li bit-tgħamir fil-pussess tan-nassaba, huma għandhom il-possibilità li jkomplu jonsbu llegalment.

CABS qal li se jkompli jagħmel monitoraġġ sakemm tintemm il-migrazzjoni tal-għasafar tal-għana f’April u talab lill-pubbliku biex jirraporta siti għall-insib li jsib attivi lill-pulizija.

Qal ukoll li min irid jibqa’ anonimu jista’ jibgħat l-informazzjoni bl-email fuq [email protected]

Fi stqarrijiet separati kemm il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) kif ukoll Kaċċaturi San Ubertu ikkundannaw pubblikament kull ksur ta’ regolamenti tal-kaċċa u l-insib li jista’ jsir.

Qalu li kull att illegali jagћmel ћsara kbira lill-eluf ta’ nassaba u kaċċaturi li josservaw il-liġijiet kollha u se jżidu l-pressjoni sabiex tkompli l-‘policy’ ta’ ‘zero tolerance‘ ma kull min jinqabad u jinstab ћati fil-Qrati.