Knisja Maltija
Il-Caritas bi proġett mal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà biex tindirizza s-solitudni

Il-Caritas Malta qed tfakkar il-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tagħha. Fl-okkażjoni ta’ dan l-anniversarju, Caritas Malta nediet għadd ta’ inizjattivi biex tkompli tgħin lil dawk li l-iżjed għandhom bżonn l-għajnuna fis-soċjetà. Proġett minhom li ser jitwettaq b’kollaborazzjoni mal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà huwa maħsub biex tkun indirizzata s-solitudni.

Kien fil-ħdax ta’ Novembru tal-1968 meta twaqqaf il-Kunsill Nazzjonali tal-Caritas biex jikkordina attivitajiet ta’ karità u għajnuna soċjali. F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Monsinjur Charles Cordina, qal li l-Knisja f’Malta dejjem poġġiet lill-persuna umana fiċ-ċentru tal-attenzjoni tagħha. Sostna li tul dawn il-ħamsin sena, il-Caritas ħadmet biex tgħin lil persuni vurnerabbli.

Id-Direttur ta’ Caritas, Anthony Gatt, qal li għal din l-okkażjoni, li l-Caritas qed issejjaħ bħala Ħamsin sena viċin in-nies, ġew identifikati 4 ġerħiet fis-soċjetà. Qal li dawn huma d-differenza bejn is-sinjur u l-fqir, id-droga, it-tkissir tal-familji u s-solitudni. Is-sur Gatt qal li min għandu dħul baxx qed ibati ħafna biex ilaħħaq mal-ħajja. Dwar id-droga qal li jagħraf li l-awtoritajiet huma impenjati li jgħinnu u jagħmlu qabdiet tad-droga, imma huwa tat-tħassib li ħafna nies qed ifittxu l-kokajina u l-kannabis. Id-direttur tal-Caritas tenna li meta wieħed jiżen kollox, il-Caritas ma taqbilx li l-kannabis ssir aċċessibbli b’mod legali għax qal li din hija ta’ ħsara u mhux ta’ ġid. Dwar is-solitudni, is-sur Gatt qal li Caritas ngħaqdet fi proġett mal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà.

Anthony Gatt qal “bħalissa qed nikkollaboraw fuq kampanja dwar il-ġerħa tas-solitudni f’Malta. Fil-fatt qed nibnu dokumentarju dwar is-solitudni, li mbagħad jiġi mifrux mal-poplu biex nissensibilizzaw il-komunità tagħna għal din ir-realtà ta’ tbatija emozzjonali kbira.”

Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi, qal li l-Fakultà tagħmel minn kollox biex tkun qrib il-komunità, u għalhekk li qed tagħmel dan il-proġett mal-Caritas. Irrefera għal statistika li turi li terz tad-9,000 telefonata li jsiru fuq il-linja 179 isiru minħabba minħabba s-solitudni.

Is-Sur Gatt temm jgħid li dan il-Milied, għar-raba’ darba, Caritas u l-Kurja se jiftħu l-bibien tagħhom għall-ikla tal-Milied. Qal li s-sena l-oħra attendew iżjed minn 400 persuna, fosthom nies li għandhom il-flus imma m’għandhomx ma’ min iqattgħu din il-festa.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Kummissjoni Ewropea sejħet lill-istati membri bi skemi ta’ ċittadinanza u residenza b’investiment biex isaħħu l-kontrolli u l-iskrutinju li jagħmlu fuq l-applikanti minħabba r-riskji li dawn l-iskemi jistgħu jintużaw għal skopijiet…

Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat assigura li l-abbozz ta’ ftehim finali li se jiġi ppreżentat għall-ftehim mal-grupp Corinthia se jindirizza t-tħassib ġenwin li tqajjem minn kwartieri differenti. Mistoqsi dwar il-valur tal-art,…

Lokali

X Factor Malta ħabbar li r-rebbieħ ta’ The X Factor UK 2018, Dalton Harris se jkun il-mistieden speċjali għall-finali ta’ X Factor Malta. Dalton Harris flimkien ma’ James Arthur nedew…

Brexit

Il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament fisser il-passi li qed jieħu l-Gvern f’każ li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ddikjara li l-Oppożizzjoni tappoġġja l-ftehim bejn…

Aktar