Qasam soċjali
Il-Caritas b’ikla tal-Milied differenti – platt sħun se jitwassal wara l-bieb

Kien sar appuntament annwali li min ikun waħdu għall-Milied, iħabbat il-bieb tal-Caritas u jsib ġemgħa ta’ nies biex flimkien jinġabru għall-ikla ta’ nofsinhar. Din l-inizjattiva kibret minn sena għall-oħra u nfirxet fost familji fil-bżonn ukoll.

Iżda din is-sena, minħabba l-Covid u r-restrizzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa, Caritas Malta flok se tilqa’ lil min hu waħdu u batut fi ħdanha, se tkun qed tqassam l-ikla tal-Milied lil min hu fil-bżonn.

Id-direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, qal li f’Jum il-Milied, se tagħti l-ikla tal-Milied lil iktar minn 800 familja jew individwi. Is-Sur Gatt qal li din l-inizjattiva ġdida se ssir bl-għajnuna tal-parroċċi, l-entitajiet tal-Knisja u l-għaqdiet volontarji. “Dawk li huma f’diffikultà li jippreparaw l-ikla, se jkollhom voluntiera jqassmu l-ikla d-dar, u hemm familji li jistgħu jippreparaw l-ikla u jinsabu waħidhom, u qalulna ejja ħabbatli xorta fuq il-bieb, u dawn se jkollhom rigal żgħir fl-għatba u nsellmulhom b’distanza.”

Mal-250 voluntier se jqassmu l-ikliet f’Jum il-Milied bejn il-ħdax ta’ filgħodu u s-sagħtejn ta’ wara nofsinhar, filwaqt li l-Caritas ħasbet għal numru tat-telefown biex jingħata wens għal kull min iħossu waħdu fejn jista’ jċempel u jsib nies li jżommulu kumpanija; u se jkun hemm voluntiera li se jduru fid-djar ta’ dawk li jbatu mis-solitudni biex iwasslulhom messaġġi ta’ kuraġġ.

L-Arċisqof Charles J Scicluna faħħar l-entużjażmu tal-Caritas, li baqgħet fil-qalb ta’ tant familji l-iktar dawk vulnerabbli, u appella biex il-poplu Malti fil-Milied jaħseb fil-familji jew individwi vulnerabbli, kemm b’donazzjonijiet u anki billi jżommu kuntatt ma min jeħtieġ kliem ta’ faraġ biex ma jħossux waħdu.

“Telefonata, imqar l-użu ta’ media soċjali biex nifirħu b’xulxin, niftakru f’xulxin u nagħtu mument ta’ viċinanza, il-Milied ikun konkret mhux kemm nisker imma kemm inħalli qalbi tħabbat bl-imħabba ta’ Ġesù.”

L-Uffiċċju tal-President u l-Fondazzjoni Alfred Mizzi se jieħdu ħsieb jorganizzaw dawn l-ikliet tal-Milied lit-800 familja li se jingħataw ikla sħuna bid-deżerta, biex b’hekk igawdu l-ikla bħal familji oħra f’Jum il-Milied.