Lokali
Il-Caritas u l-Gvern bi ftehim biex jiftħu ċentru terapewtiku għall-adolexxenti

Il-Caritas u l-Gvern iffirmaw ftehim għall-ftuħ taċ-ċentru terapewtiku għall-adolexxenti li se jkollu l-isem Tal-Ibwar. Il-pjan hu li dan iċ-ċentru jiftaħ fil-bidu tas-sena d-dieħla u minbarra li joffri servizzi għal programm matul il-jum għar-rijabilitazzjoni mid-droga, se jilqa’ 14-il żagħżugħ għal programm residenzjali. Is-sena li għaddiet il-Caritas għenet 40 adolexxent minħabba problemi tad-droga.

Iċ-Ċentru terapewtiku ġdid tal-Caritas għall-adolexxenti f’Tal-Ibwar is-Siġġiewi mistenni jiftaħ kmieni s-sena d-dieħla. Bħala parti minn dan il-proġett, il-Gvern u l-Caritas iffirmaw ftehim li permezz tiegħu dawn l-adolexxenti li se jkunu qed jingħataw kura residenzjali għar-rijabilitazzjoni mid-droga se jitgħallmu suġġetti bħall-agrikoltura, il-media, Malti, Matematika u Ingliż.

Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, qal li ċ-ċentru Tal-Ibwar se jibda jilqa’ fih 14-il żagħżugħ u żagħżugħa għal programm residenzjali, u dan in-numru jista’ jitla’ għal madwar 20 biż-żgħażagħ l-oħra jingħataw servizzi ta’ kura matul il-jum. Is-sur Gatt qal li dan iċ-ċentru se jimla lakuna li kien hemm sal-lum fejn adolexxenti jingħataw kura mal-adulti. Is-sena l-oħra biss madwar 40 adolexxent marru l-Caritas minħabba problemi ta’ droga.

“Qed nitkellmu wkoll fuq il-ftehim mal- Ministeru tal-Edukazzjoni dwar learning hub li se jkun hemm f’dan iċ-ċentru biex dawk l-adolexxenti joħorġu minn dan il-programm ukoll b’ċertifikati f’idejhom mhux biss għall-iskop taċ-ċertifikat, primarjament biex ikunu mħarrġin f’għodda jew f’korsijiet li jistgħu jgħinnuhom anke fil-futur tagħhom kemm biex ikomplu jistudjaw u anke fid-dinja tax-xogħol.”

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li fl-aħħar snin kien hemm bidla qawwija fil-mod li bih is-soċjetà bdiet tħares lejn in-nies li jabbużaw mid-droga u qal li hu għalhekk li l-edukazzjoni fost dawn l-adolexxenti hi importanti.

“Aħna rridu nagħmlu differenza u nagħtu wkoll istruzzjoni, tagħlim, edukazzjoni biex dawn l-adolexxenti li jmorru f’dan iċ-ċentru jkunu jistgħu jkomplu wkoll bil-ħajja edukattiva tagħhom u jingħataw anke ċertfikazzjoni li jkollha piż u b’hekk jistgħu jkomplu bil-vjaġġ edukattiv tagħhom anke meta jispiċċaw minn dan iċ-ċentru.”

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon qal li l-Gvern qed jinvesti 4 miljun ewro f’dan iċ-ċentru terapewtiku Tal-Ibwar.

“Ma kellniex faċilità li tipprovdi speċifikament għal tfal, żgħażagħ, qed nitkellmu taħt it-18-il sena li huma diġà sfortuntament maqbudin fuq il-vizzju tad-droga. Hija dover tagħna li nagħtu ċans lil kulħadd u jekk nista’ nagħmel appell lil dawk iż-żgħażagħ, din l-opportunita’ li qed joffrilek il-poplu Malti, pajjiżek, titilfux. Għandek futur u dak il-futur lesti ngħinnuk biex tgawdih u tilħaq il-potenzjal kollu tiegħek.”

Il-Ministru Falzon qal li ta’ kuljum 700 persuna tieħu l-methadone u qal li hu għalhekk li jsir investiment f’ċentru ta’ dan it-tip, biex minn eta’ żgħira tingħata għajnuna lil min jabbuża mid-droga.