Politika
Il-Covid-19 qed tiswa lill-Gvern €35 miljun fil-ġimgħa

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li kull ġimgħa l-pandemija qed tiswa lill-Gvern mal-€35 miljun, medja ta’ €5 miljun kuljum.

Minnhom €3 miljun qed jintefqu f’għajnuna marbuta mal-pandemija biex jitwieżnu l-familji u n-negozji waqt li ż-€2 miljuni l-oħra jikkonsistu f’telf kaġun tal-effetti diżastrużi li l-pandemija ħalliet fuq l-attivita’ ekonomika Maltija.

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha l-Ministru Caruana ta rendikont tal-finanzi tal-Gvern meta issa ngħalqu l-kotba tal-2020.

Huwa spjega kif id-defiċit huwa ta’ 10.1% din is-sena u mbassar li jkun ta’ 12% is-sena d-dieħla waqt li semma kif dan jirifletti kemm twalet il-pandemija u għalhekk sostna li l-Gvern qed ikompli joħroġ minn ġewwa biex jgħin lil dawk milquta.

L-ekonomisti tal-Gvern qed ibassru li sa tliet snin oħra l-livell tad-defiċit se jinżel taħt it-3% u f’dan l-isfond il-Ministru Caruana wiegħed li l-Gvern mhux se jkun qed jintroduċi taxxi ġodda jew jgħolli taxxi eżistenti biex jilħaq din il-mira

“In-nefqa addizjonali tal-Gvern waslu għal rizultati pożittivi fis-suq tax-xogħol fl-istess waqt li l-KE qed tbassar li s-sena d-dieħla pajjiżna se jkollu fost l-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku”.

Il-Ministru Caruana sostna li fl-eqqel ta’ pandemija l-qgħad kompla jonqos waqt li qal li Malta għandha fost l-anqas rata ta’ dejn meta mqabbel mal-pajjiżi tal-UE.

Skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) id-dejn għas-sena l-oħra laħħaq il-€1,300 miljun waqt li l-ispiża fl-istess sena żdiedet bi kwazi €1 biljun ewro.

Jirriżulta wkoll li d-dħul naqas b’€400 miljun u b’hekk id-dejn tela għal 54.3% tal-Prodott Domestiku Gross matul is-sena l-oħra. Huwa pproġettat li din is-sena d-dejn mistenni jitla għal 65%.

Fost l-aktar li wassal għat-tnaqqis fl-attività ekonomika hemm it-turiżmu li f’ċirkostanzi straordinarji ċkien minn €2,200 miljun fl-2019 għal €455 miljun fl-2020. Huwa stmat li għal kull €100 li kien jonfoq turist f’Malta fl-2019, is-sena l-oħra din il-figura niżlet għal €20.

Mistoqsi minn Television Malta dwar industriji oħrajn li f’pandemija baqgħu reżiljenti, il-Ministru Caruana semma’ s-settur finanzjarju u l-igaming li qal komplew għaddejin b’xejra pożittiva.