Lokali
Il-COVID-19 tħalli effett negattiv fuq il-bejgħ tal-patata

Ħafna mill-bdiewa qed jilmentaw li ser jibqgħu bil-patata ma’ wiċċhom minħabba nuqqas ta’ domanda mis-suq kemm f’Malta kif ukoll mis-swieq tal-esportazzjoni minħabba li din ukoll intlaqtet mill-Covid-19.

Television Malta jinsab infurmat li hemm minn tal-inqas nofs miljun kilo patata li kellha tiġi esportata lejn swieq Ewropej iżda sabet il-bibien tal-esportazzjoni magħluqa.

Għalkemm il-patata Maltija għandha tradizzjoni tajba u hija mfittxija f’diversi swieq fl-Ewropa, din is-sena l-bdiewa mhux ser jirnexxielhom jesportaw il-patata kollha apparti li l-prezz tal-patata esportata hija ħafna inqas mis-soltu.

Il-Kordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi, Malcolm Borg, qal li għall-bdiewa ġiet ħażina ferm u ser jispiċċaw minn taħt minħabba l-ispejjes kbar li jagħmlu għall-kultivazzjoni tal-patata.

”Mill-ammont ta’ bdiewa li kellmuna nikkalkulaw li fadal madwar ħames mitt elf kilo jew daqsxejn iktar ta’ patata li għadha fl-art.”

Il-bdiewa Maltin ilhom jesportaw il-patata bosta snin u dejjem kien fost il-prodotti li jħallu flus fi bwiethom.

”Dawn il-bdiewa għamlu eluf kbar ta’ ewro fi spejjeż ; stennew erba’/ħames xhur biex jikber il-prodott u issa lejlet il-ġurnata li fiha jridu jaqalgħu l-patata biex jieħdu l-prezz tagħha sfortunatament għandhom il-bibien magħluqin.”

Michael Caruana, bidwi qal li din is-sena kienet xotta mix-xita, l-ispejjeż kienu ikbar u l-imxija tal-COVID-19 kompliet tagħmilha iżjed diffiċli għax waqqgħet il-prezzijiet tal-prodott.

”Il-prezz kumparabbli mal-ispejjeż li għamilna jien personali mhux ser jibqagħli profitt – kemm ser niġi patta b’oħra tal-ispejjeż.”

Stqarr li lanqas irnexxielu jesporta l-patata kollha lejn l-Olanda.

”Aħna kellna kuntratti ma’ kumpaniji li l-kuntratt ma waqax, iżda waqqgħu l-prezz – huma kellhom ir-raġuni tagħhom għalfejn iwaqqgħu l-prezz għax ħafna min-nies ma setgħux jixtru; ħafna min-nies trid tifhem li lanqas għax-xogħol ma kienu qed imorru – jiġifieri din ġiet katina; wieħed għandu bżonn mingħand l-ieħor.”

Waqt li s-sena li għaddiet, xkora patata ta’ 25 kilo esportata kienet tinbiegħ madwar 12-il ewro, din is-sena l-prezz waqa’ bin-nofs. Anke d-domanda lokali għall-patata mhix kbira daqs is-soltu minħabba li hemm inqas konsum kemm fil-lukandi kif ukoll fir-ristoranti.

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

Wara li l-Università ta’ Malta semgħet id-dispjaċir tal-istudenti u l-familjari tagħhom għall-aħbar li ċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni se jiġu posposti hija qalet li se tipprova ssib soluzzjoni biex dawn isiru fiż-żmien tagħhom….

Immigrazzjoni

Grupp ta’ madwar 50 immigrant żbarkaw matul il-lejl li għadda f’Malta wara li kienu ilhom ġranet abbord il-bastiment  MV Talia. F’kitba fuq twitter l-għaqda Alarm Phone, qalet li wara ġranet maqbuda…

Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tilef vot ta’ fidċuja fil-grupp parlamentari wara laqgħa li damet għaddejja ħames siegħat. Madanakollu, f’konferenza tal-aħbarijiet eżatt wara għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, Dr Delia qal li mhux…

Edukazzjoni

L-Università ta’ Malta ħabbret li ċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni li kienu se jsiru f’Novembru u Diċembru li ġej jiġu posposti għas-sena d-dieħla minħabba l-inċertezza relatata mal-COVID-19. Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella…

Aktar