Stejjer Umani
“Il-Covid qabbditni ansjetà kbira, imma rridu nagħmlu kuraġġ b’xulxin”

Iż-żeffien magħruf Felix Busuttil li bħalissa jinsab rikoverat id-dar minħabba l-Covid stqarr ma’ TVM li kien hemm mumenti fejn qabditu ansjetà kbira, iżda kellu kliem ta’ kuraġġ għal min bħalu għandu l-virus. Il-psikjatra Anton Grech appella biex ħadd ma jiffissa u min qed ibati bl-ansjetà jirrikorri għall-għajnuna, fost l-oħrajn tal-Fondazzjoni Richmond biex itaffi mill-problemi ta’ saħħa mentali.

Nafuh bħala żeffien determinat, b’diversi suċċessi fil-karriera, u bi proġetti ambizzjużi… Felix Busuttil irrakkonta ma’ TVM il-Covid wasal f’daru u qed ikollu riperkussjonijiet kbar fuqu, kemm fiżikament, kif ukoll mentalment. “Sakemm ilbieraħ billejl tant kont ħażin li kont se nċempel l-ambulanza għax kont qed naqta’ nifsi, mhux virus li tieħdu lightly… l-ansjetà li qabditni, b’nies li qed ibatu biha, u l-iżolament u l-istigma, jew ma nitkellimx jew minn negattiv se nbiddilha għal xi ħaġa pożittiva”.

Felix qal li flimkien mar-raġel tiegħu Daron qed jippruvaw jgħixu dawn il-jiem imsakkrin fid-dar b’lenti pożittiva. Jemmen li jekk kulħadd jagħti kuraġġ lil xulxin, min bħalu għandu l-Covid, ma jħossux waħdu u ma jkollux ansjetà.

“Però flimkien bis-saħħa, talb u tama u informazzjoni żgur li se negħlbu kull sfida quddiemna, u kuraġġ lill-frontliners, u nagħtu kuraġġ li qegħdin l-isptar”.

TVM tkellem mal-psikjatra Anton Grech dwar l-ansjetà li qed iqabbad il-Covid, kemm fost dawk infettati bil-virus u anke fost dawk li qed isegwu x’inhu jiġri madwarna. Dr Grech ta parir biex ħadd ma jiffissa fuq il-virus u fejn meħtieġ tingħata l-għajnuna lil min qed ibati minn problemi ta’ saħħa mentali.

“Il-Covid qed iġib ansjetà, huwa mportanti li l-ansjeta’ nirbħulha, billi ma nfittxux ħafna fuq il-covid, naraw li s-sorsi u miżuri li hemm bżonn, imma nappella biex jekk għandek l-ansjetà tfittex l-għajnuna”.

Min isofri minn sfidi mentali, anki minħabba l-Covid, il-fondazzjoni Richmond qed toffri servizz bit-telefon permezz tan-numru 1770, fejn professjonisti jagħtu l-pariri tagħhom u gwida biex min iċempel għall-għajnuna jħossu aħjar.