Turiżmu
Il-cruise liners f’Malta: “Sena ħafna aħjar milli konna qed nistennew”

L-ogħla numru ta’ passiġġieri li daħlu Malta f’sena abbord cruise-liner mistenni jintlaħaq din is-sena. Bi kważi disa’ mitt elf passiġġier, il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port, Stephen Xuereb, qal li l-2019 mhux biss se tkun waħda rekord iżda sena ħafna aħjar milli mistenni. Intervistat minn TVM, is-Sur Xuereb wieġeb għal domandi dwar kemm qed tħalli flus fl-ekonomija din l-industrija u l-prospetti għas-sena d-dieħla.

Malta stabbiliet ruħha sew bħala destinazzjoni popolari għall-cruise-liners fil-Mediterran. Din is-sena, it-terminal tal-passiġġieri fil-Port il-Kbir mistenni jilqa’ l-ogħla ammont ta’ passiġġieri tal-cruise-liners.

“Se naqbżu sew it-800,000 passiġġier u nażżarda ngħid se nqarrbu d-900,000. Il-fattur prinċipali kien li kellna vapuri ġodda li daħlu fis-suq li għandhom kapaċità akbar f’termini ta’ passiġġieri, kif ukoll din is-sena, għall-ewwel darba minn kemm ilna noperaw, kellna tliet home port operations fl-istess staġun.”

Dan il-kunċett jinvolvi li l-passiġġieri jinġiebu Malta bl-ajru, jibdew cruise ta’ ġimgħa minn hawnhekk u fi tmiem jirritornaw darhom b’titjira oħra minn Malta. Dan ix-xorta ta’ operat qed isir tliet darbiet fil-ġimgħa.

Tui Cruises qed topera għat-tmien sena konsekuttiva nhar ta’ Ħadd fl-istaġun kollu. Din is-sena l-istess kumpanija qed tagħmel operat nhar ta’ Tnejn, u minn 3/4 snin ilu bdejna home port operation ohra nhar ta’ Ħamis minn P&O Cruises.

Filwaqt li kkonferma li dawn iż-żewġ kumpaniji se jibqgħu għaddejjin bil-home porting għas-snin li ġejjin u qed jikkunsidraw jużaw vapuri akbar, is-Sur Xuereb qal li għaddejjin b’negozjati ma’ żewġ kumpaniji oħra biex jintroduċu home porting minn Malta.

Mistoqsi kemm qed tħalli flus din l-industrija, il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port irreferiena għall-aħħar studju li sar mill-kumpanija.

“L-industrija qisha qed tħalli €100 miljun fl-ekonomija, li minnhom €23 miljun ġejjin f’infiq dirett mill-passiġġieri u l-kumpalment, xi €76 miljun qed jitefqu mill-cruise line fil-lokal, jiġifieri minn prodotti u servizzi li jieħdu.”

Apparti l-flus, effett ieħor imsemmi mis-Sur Xuereb hu dak ta’ passiġġieri li l-ftit sigħat li jagħmlu Malta jkunu biżżejjed biex jiddeċiedu jiġu għal btala itwal u possibilment iħajru oħrajn.

“Jidher li 60 – 70% juru interess li jerġgħu jiġu Malta.”

Fi kliem il-Kap Eżekuttiv, l-indikazzjonijiet għas-sena d-dieħla huma li t-tkabbir reġistrat din is-sena se jinżamm fl-2020.

Aħbarijiet Oħra
Agrikultura

“Marzu jgħidlu ikber, April iżbel u Mejju aħsad.” Hekk jgħid il-Malti għall-qamħ. Żmien il-ħsad tista’ tgħid għadda u minn għelieqi kbar lewn id-deheb illum tilmaħ għexieren ta’ balal ta’ tiben…

Parlament

Id-Deputat Prim Minsitru u Minsitru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Gvern kien infurmat bil-fomm mill-Kap Eżekuttiv ta’ Steward Healthcare f’Malta dwar ix-xiri ta’ ishma ta’ shareholder Amerikan mill-istess Steward Healthcare. …

Trasport

F’toroq battala mill-vetturi matul il-pandemija jidher li l-użu tar-rota żdied, kemm bħala mezz ta’ attività fiżika imma wkoll mezz ta’ trasport alternattiv. Grupp ta’ nisa b’kollaborazzjoni mal-organizzazjoni MOVE ngħaqdu fil-kampanja ROTA…

Edukazzjoni

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Owen Bonnici, qal li fl-operat mill-ġdid taċ-child care centres se jinstab bilanċ bejn il-ħarsien tas-saħħa tat-tfal u l-operat ta’ dawn iċ-ċentri. Dr Bonnici qal li lest jikkunsidra ideat…

Aktar