Barranin
Il-European Super League toħloq terremot fil-futbol Ewropew

Tnax-il klabb ewlieni tal-futbol fl-Ewropa ħabbru li qablu bejniethom li jwaqqfu dik li se tkun magħrufa bħala il-European Super League, kompetizzjoni ġdida f’nofs il-ġimgħa li se tkun immexxija mit-timijiet li qegħdin iwaqqfu din il-kompetizzjoni.

Il-proposta għat-twaqqif ta’ din il-kompetizzjoni għandha l-għan li tikkompeti direttament ma’ dik li hi magħrufa bħala l-UEFA Champions League.
Il-klabbs involuti

Manchester United, Manchester City, Liverpool, Arsenal, Chelsea u Tottenhan, mequsa bħala l-ikbar sitt timijiet tal-Premier League Ingliż ħabbru li huma involuti f’din il-kompetizzjoni.

It-timijiet ta’ AC Milan, Arsenal, Atletico Madrid, Chelsea, Barcelona, Inter Milan, Juventus, Liverpool, Manchester City, Manchester United, Real Madrid u Tottenham Hotspur ingħaqdu kollha bħala fundaturi ta’ din il-kompetizzjoni.

Hu mifhum li tliet timijiet oħrajn mistennija jingħaqdu fl-ewwel edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni li hija intiża li tibda fi żmien opportun.

Il-kbar Ġermaniżi Bayern Munich u Borrusia Dortmund mhumiex inklużi f’din il-kompetizzjoni u lanqas iċ-champions Franċiżi Paris Saint-Germain.
Kif se tittella’?

Skont is-sit tal-kompetizzjoni l-ġdida, is-Super League hija kompetizzoni ġdida bejn 20 klabb ewlieni fl-Ewropa li jinkludu 15-il klabb fundatur u ħames klabbs oħra li jikkwalifikaw għaliha. Il-kompetizzjoni se tinqasam f’żewġ gruppi ta’ għaxar timijiet, li se jilagħbu f’darhom u barra minn darhom fil-grupp tagħhom kull sena.

Wara li jintemm l-istadju tal-gruppi, tmien klabbs jikkwalifikaw għal knockout tournament. Hawn ukoll se jilagħbu f’darhom u barra minn darhom, sakemm jilagħbu logħba waħda fis-Super League championship, f’erba’ ġimgħat drammatiċi li jwasslu għat-tmiem tal-istaġun.

Fi stqarrija ngħad li l-logħob kollu se jintlagħab f’nofs il-ġimgħa u l-klabbs kollha se jibqgħu jieħdu sehem fil-kampjonati domestiċi tagħhom.
Fl-istess stqarrija, il-klabbs infushom ħabbru l-format tat-tliet stadji.

Kompetizzjoni kontroversjali

Fost l-ewwel punti ta’ kritika, jekk mhux ukoll l-ikbar kritika għal din il-kompetizzjoni hi li huma biss ħamsa mill-20 tim fil-kompetizzjoni li se jieħdu sehem fiha għall-kisbiet sportivi tagħhom. Dan għall-fatt li l-15-il klabb fundatur tas-Super League għandhom il-parteċipazzjoni tagħhom iggarantita kull sena.

Kif se jiġi ffinanzjat dan il-kampjonat?

Il-bank Amerikan JP Morgan ikkommetta diġà madwar $5 biljun għal dan il-proġett ġdid. Fl-istqarrija tagħhom, il-fundaturi tal-kompetizzjoni qalu li se jingħataw €3.5 biljun biss biex isostnu l-pjan ta’ investiment infrastrutturali tagħhom u biex jagħmlu tajjeb għall-impatt tal-pandemija.

It-triq ’il quddiem

Il-fundaturi ta’ din il-kompetizzjoni qalu li qegħdin iħarsu ’l quddiem li jkollhom taħditiet mal-UEFA u l-FIFA biex jaħdmu flimkien fi sħubija biex iwasslu l-aqwa riżultati għal dan il-kampjonat ġdid u għall-futbol b’mod inġenerali.

Ir-reazzjoni s’issa

Madankollu t-tħabbira ta’ din il-kompetizzjoni ġabet magħha kritika ħarxa minn bosta fosthom il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson, mill-UEFA u mit-tmexxija tal-Premier League. Qalu li din il-kompetizzjoni hija immexxija biss mill-flus u se tkisser għalkollox il-kampjonati domestiċi. Dan minbarra li hija kontra l-integrità fl-isport.

Il-FIFA ħadet ukoll pożizzjoni b’saħħitha kontra din il-kompetizzjoni. Iddikjarat li mhix se tirrikonoxxiha u kull plejer li jieħu sehem fiha jista’ jitwaqqaf milli jilgħab fit-Tazza tad-Dinja.

Min-naħa tagħha l-UEFA qalet li l-plejers li se jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni se jitwaqqfu milli jieħdu sehem f’kull kompetizzjoni domestika, Ewropea jew fuq livell dinji u jistgħu jitwaqqfu milli jirrappreżentaw it-tim nazzjonali tagħhom.

B’reazzjoni, l-ESL bagħtet ittra lill-President tal-FIFA Gianni Infantino u lit-tmexxija tal-UEFA Aleksander Ceferin li fiha wissiethom bi proċeduri legali fil-qrati Ewropej li għandhom l-għan iwaqqfu kull xorta ta’ sanzjoni li ż-żewġ entitajiet sportivi jistgħu jieħdu biex iwaqqfu l-formazzjoni tal-European Super League.