Barranin
Il-Eurovision bi 3,500 ruħ biss?

Il-Gvern Olandiż ta permess biex jekk iċ-ċirkustanzi jippermettu jkunu jistgħu jattendu sa 3,500 persuna għas-semifinali u l-finali tal-Eurovision Song Contest

Wara li s-sena l-oħra kien tħassar il-Eurovision minħabba l-pandemija, din is-sena se jsir f’Rotterdam, l-Olanda f’Mejju li ġej.

B’kollox, jekk tinkludi l-provi, se jkun hemm disa’ wirjiet, fosthom żewġ semifinali u l-finali. 3,500 persuna jfisser li se jkunu jistgħu jidħlu nofs in-nies li jilqa’ l-post. Kull min se jattendi jrid ikun ħareġ negattiv fit-test għall-COVID-19.

Intant, l-organizzaturi tal-Eurovision Song Contest laqgħu din id-deċiżjoni u qalu li se jkunu qed jikkonsidraw l-għażliet li għandhom. Qalu li fil-jiem li ġejjin se joħorġu aktar dettalji. Saħqu li se jkun hemm protokol strett li jassigura s-sigurtà u s-saħħa ta’ kull min jattendi kif ukoll tal-artisti u d-delegazzjonijiet.

Il-ġimgħa l-oħra, il-Prim Ministru Mark Rutte qal li r-restrizzjonijiet minħabba l-COVID-19 se jiġu estiżi sal-aħħar t’April. L-aħħar arranġamenti għall-Eurovision se jkunu konfermati fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Ara wkoll:

Destiny se tkanta fl-ewwel semifinali tal-Eurovision

FILMAT: Titnieda ‘Je Me Casse’ ta’ Destiny