Eurovision
Il-Eurovision jirritorna f’Mejju – Opportunità għall-kompożituri u awturi biex jipproduċu kanzunetta għal Malta

Il-PBS kkonferma li f’Mejju li ġej Malta se tieħu sehem fil-65 edizzjoni tal-Eurovision u li r-rebbieħa ta’ X Factor Malta, Destiny se tkun qed tirrappreżenta lil Malta.

Il-PBS qed tistieden lill-kompożituri u l-awturi li huma interessati jippreżentaw kanzunetta li tkun ideali għal Destiny. Dawk interessati jistgħu jibagħtu email fuq [email protected] sa mhux aktar tard minn nhar il-Ġimgħa li ġej.

F’Mejju li ġej se jirritorna l-Eurovision bis-sehem ta’ 41 pajjiż fosthom Malta iżda l-mod kif se jsir se jkun magħruf fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Il-kanzunetti li kienu se jikkompetu din is-sena m’humiex eliġibbli għall-edizzjoni li jmiss iżda 19-il pajjiż fosthom Malta kkonfermaw li se jibagħtu l-istess kantant jew gruppi. Għalhekk, Destiny se tkun qed tirrappreżenta lil Malta.

F’dan l-isfont, il-PBS qed jistieden lill-kompożituri u l-awturi li huma interessati jipproduċu kanzunetta oriġinali għal kantanta żagħżugħ biex jibagħtu email fuq [email protected] biex juru l-interess tagħhom sa mhux aktar tard minn nhar il-Ġimgħa li ġej 30 t’Ottubru. Kull min juri interess, se jirċievi atkar dettalji u linji gwida fosthom dwar l-istil mistenni.

Fl-istess waqt, l-organizzaturi tal-Eurovision ħabbru d-dati għall-edizzjoni tas-sena d-dieħla f’Rotterdam, l-Olanda bit-tema ‘Open Up’ li kienet se tkun it-tema għall-edizzjoni ta’ din is-sena qabel l-avvenimenti ferm mistenni kellu jitħassar minħabba l-pandemija.

Iż-żewġ semi-finali tal-Eurovision se jsiru fit-18 u l-20 ta’ Mejju waqt li l-finali se ssir is-Sibt 22 ta’ Mejju.

Il-European Broadcasting Union qalet li qed taħdem fuq erba’ xenarji – minn verżjoni relattivament simili għas-soltu għal xenarju fejn l-Olanda tista’ tkun f’lockdown. F’dan il-każ, l-ispettakli jittellgħu mingħajr udjenza fl-Ahoy Arena.

Madankollu, l-organizzaturi qalu li jinsabu ottimisti li t-tliet serati se jsiru b’udjenza limitata u bil-miżuri tad-distanza soċjali.