Lokali
Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia ssejjaħ lill-awtoritajiet biex iressqu l-Qorti lil Keith Schembri

Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia sejħet lill-awtoritajiet biex minnufih iressqu l-Qorti lil Keith Schembri minħabba dak li ddeskriviet bħala attivitajiet kriminali varji li ilu jmexxi.

Fi stqarrija, il-familja Caruana Galizia qalet li l-ġurnalista kienet kixfet ir-reati finanzjarji ta’ Keith Schembri u sentejn wara l-assassinju tagħha, Schembri irriżenja minn Chief of Staff tal-Prim Ministru.

Il-familja Caruana Galizia appellat lil Europol biex tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-investigaturi, prosekuturi u maġistrati li qed jippruvaw isegwu x-xibka ta’ flus bejn Malta, l-Ażerbajġan u l-Emirati Għarab Magħquda.

Il-familja qalet li l-fatt li Keith Schembri, Konrad Mizzi u dawk li jipproteġuhom baqgħu ma tressqux il-Qorti kellu konsegwenzi fatali fuq Daphne Caruana Galizia. Il-familja Caruana Galizia qalet li jekk mhux se jittieħdu aktar passi, se jkun hemm konsegwenzi fatali għad-demokrazija f’Malta.