Lokali
AĠĠORNAT: Il-ftehim mal-familja Pace sar bla ma assumejna r-responsabbiltà ta’ dak li seħħ – id-diretturi

Il-famija ta’ Miram Pace, li f’Marzu ta’ sena ilu mietet mirduma f’darha f’Santa Venera waqt li maġenbha kien għaddej xogħol ta’ kostruzzjoni, laħqu ftehim bonarju mal-iżviluppatur tal-proġett MCZMC Developers Limited.

B’dan il-ftehim, ġiet irtirata t-talba għad-danni ċivili li għamlet il-familja Pace kontra l-iżiluppatur, il-kuntratur, il-perit tal-proġett u s-site technical officer.

Fi stqarrija maħruġa ftit tal-ħin ilu, l-avukat tal-familja Pace, David Bonello, qal li minkejja dan, se jibqgħu għaddejjin il-proċeduri kriminali fil-qorti kontra l-kuntrattur, il-perit tal-proġett u s-site technical officer.

Intant fi tweġiba għall-istqarrija maħruġa mill-familja Pace, id-diretturi tal-kumpanija MCZMC Malcolm Mallia, Matthias Mallia, Chris Zarb, Elton Joseph Caruana, Amanda Zammit u Simon Zarb qalu l-ftehim li waslu għalih mal-familja Pace intlaħaq mingħajr mal-partijiet assumew ir-responsabbiltà ta’ dak li seħħ.

Huma qalu li la qatt ittieħdu proċeduri kriminali kontrihom u lanqas infetħet xi kawża kontrihom.

Qalu li matul dawn il-proċess diffiċli għall-partijiet kollha involuti, id-diretturi tal-kumpanija ħadmu qatigħ biex joffru l-appoġġ u l-kooperazzjoni tagħhom għal din is-sitwazzjoni diffiċli u xhieda ta’ dan kien il-ftehim li ntlaħaq ilbieraħ.