Familja
Il-familji f’Malta żdiedu bi 12%

Fil-Jum Internazzjonali tal-Familji, statisika uffiċjali turi li bejn l-2013 u l-2017, il-familji f’Malta żdiedu bi tnax fil-mija. F’konferenza organizzata mill-Ministeru għall-familja, terapista tal-familja Charles Azzopardi stqarr li s-separazzjonijiet fil-familji qed jikkawżaw il-faqar, filwaqt li Dr Rene Camilleri ħeġġeġ biex il-Gvern u l-Knisja jaħdmu iktar flimkien għall-ġid tal-familji.

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, bejn l-2013 u l-2017 il-familji żdiedu bi tnax fil-mija, għal 61,255 familja. Miċ-ċifri joħroġ li l-maġġoranza tal-familji, 20,412 huma dawk b’żewġ adulti u wild wieħed. Hemm ukoll aktar minn 16,200 familja b’żewġ adulti u żewġ ulied. Iċ-ċifri juru li l-familji b’ġenitur wieħed jgħoddu madwar 4 fil-mija tal-familji kollha b’aktar minn 7,300 ġenitur li jrabbu l-ulied waħidhom.

F’konferenza fl-okkazzjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Familji, it-terapista tal-familji Dr Charles Azzopardi qal li filwaqt li hawn ħafna familji li kabbru d-dħul tagħhom hawn oħrajn li qed jesperjenzaw il-faqar minħabba ż-żieda fis-separazzjonijiet. Stqarr li l-isfidi għall-familji ma jonqsux.

“L-ikbar sfida hija l-ħin, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-famijla, u l-bilanċ bejn il-flus u l-ħin mal-familja, li għandha bżonnok daqs il-flus.”

Dun Rene Camilleri, qal li s-soċjetà qed tinbidel kuljum u li dan jirrikjedi fost oħrajn li l-Gvern u l-Knisja jaħdmu aktar flimkien biex jinstabu s-soluzzjonijiet.

”Daqskemm hu importanti li Knisja u Gvern jaħdmu flimkien, daqstant ieħor importanti, li kull wieħed u waħda minnha jkollu dan l-għarfien ta’ jien x’qed nagħmel fil-familja.”

Il-Ministru għall-Familja Michael Falzon qal li l-Ministeru tiegħu għandu responsabbiltà li jtejjeb il-kwalità tan-nies fosthom dawk vulnerabbli. Dr Falzon qal li f’sitt snin, il-Gvern żied in-nefqa soċjali b’ħamsin fil-mija, għal €1,800 miljun. Qal iżda li l-Gvern irid ikompli jistinka biex jeqred il-faqar u jindirizza l-isfidi tal-akkomodazzjoni soċjali.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar qal li fil-qasam soċjali, il-Gvern ma jemminx fil-karità imma li jsostni d-drittijiet tan-nies. Qal li għalhekk, il-Gvern nieda ċentri fosthom dak tal-familja biex il-pubblika jinqeda aħjar fis-servizzi governattivi.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-kumpanija tal-gaming BET365 ikkonfermat il-pjan tagħha biex tkabbar l-operat tagħha f’Malta billi tirriloka wħud mill-attivitajiet tagħha minn Ġibiltà lejn Malta. Il-kumpanija li kellha uffiċini f’Malta u f’Ġibiltà b’liċenzja biex topera…

Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ombudsman laqa’ t-talba tiegħu u lest jinvestiga l-kontijiet tad-dawl u l-ilma li l-famiji qed ikollhom iħallsu. Il-Viċi Kap Nazzjonalista David Aguis flimkien mal-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew…

Storja

Fl-2018 saru s-siti storiċi ta’ Heritage Malta 1.6 miljun turist, żieda ta’ madwar 400,000 ruħ meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.  Din iż-żieda fil-viżitaturi tirrifletti wkoll fid-dħul finanzjarju tal-aġenzija li s-sena…

Edukazzjoni

Il-Gvern għadda lill-Università ta’ Malta madwar sittin tomna ta’ art, bil-Prim Ministru Joseph Muscat jgħid li dan huwa l-ikbar investiment kapitali li qatt sar fl-Università. B’dan il-ftehim, l-Università ta’ Malta…

Aktar