Lokali
Il-familji għadhom jonfqu l-aktar fl-ikel

Fl-2015, it-total tan-nefqa tal-familji Maltin skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika laħqet €3,700 miljun. Mill-istħarriġ imsejjaħ Household Budgetary Survey jirriżulta li tliet snin ilu l-infiq medju tal-familja tipika kien ta’ ftit iżjed minn €22,300.

L-istħarriġ juri li n-nefqa fl-ikel baqgħet l-ikbar waħda għal familji iżda żdied l-infiq għall-edukazzjoni, it-trasport u l-ilbies u naqset in-nefqa privata fost oħrajn ghas-saħħa.

Fis-seba’ snin bejn l-2008 u l-2015, id-dħul medju tal-familja tipika żdied b’aktar minn €4,200 filwaqt li l-infieq medju żdied b’aktar minn €2,700. Dan joħroġ mill-istħarriġ dwar in-nefqa tal-familja li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika biex iservi ta’ bażi għall-indiċi rivedut li jkejjel l-għoli tal-ħajja.

L-istħarriġ li l-bażi tiegħu issa hija l-2015, juri li n-nefqa għall-ikel anke jekk naqset xi ftit mill-istħarriġ tal-2008 għadha l-akbar nefqa tal-familji. Mill-banda l-oħra żdied l-infiq fuq l-edukazzjoni, it-trasport, l-komunikazzjoni, l-ilbies u d-divertiment.

Fil-preżentazzjoni tal-istħarriġ, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna nnota li mill-istħarriġ jirriżulta li bejn l-2008 u l-2015 l-infiq medju tal-familja tipika żdied b’14.2%.

Il-Ministru Scicluna qal li “iktar ma jogħla l-istandard of living u l-income, jiġifieri d-dħul li tista’ tonfqu jiżdied pereżempju l-iktar fuq il-ħwejjeġ u r-rikreazzjoni. Il-proporzjon tal-ispiża fil-basket fuq is-saħħa naqset. Il-Gvern qed juri li s-saħħa b’xejn qed taħdem.”

L-istħarriġ li fiha ħadu sehem 3,600 familja magħżula bħala kampjun xjentifku tas-soċjetà Maltija wera li bħala mejda f’sena l-familja tonfoq €930 f’laħam u €723 f’ħobż u ċereali. Fl-2015 kien hemm żieda ta’ €100 fin-nefqa għall-frott meta mqabbel mal-2008. Bħala medja familja mingħajr tfal dipendenti tonfoq €360 fil-ġimgħa waqt li familja bit-tfal tonfoq kważi €560.

L-Aġent Direttur tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, Etienne Caruana qal li l-istħarriġ juri l-istat soċjali u ekonomiku jvarja minn familja għall-oħra.

Etienne Caruana qal li “il-basket ta’ dawk li jaqilgħu ħafna ma’ dawk li jaqilgħu ftit huwa differenti mmens. Il-households li jaqalgħu ftit dħul, f’dak il-każ qed jonfuqhom fil-housing u għall-ikel. Mentri dawk li qed jaqilgħu iktar jaffordjaw share ikbar mill-income tagħhom biex jużawh għal-leisure, transport u komoditajiet simili.”

Fl-2015, familji li jgħixu fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż nefqu madwar €3,400 iktar mill-medja nazzjonali. L-istħarriġ sab ukoll li bħala medja t-tifdil tal-familja żdied b’aktar minn €3,000 bejn l-2008 u l-2015. Juri wkoll li sal-2015, il-piż finanzjarju ta’ familji li għandhom self għad-dar, kien saħansitra akbar minn dawk li kellhom dar bil-kera.