Storja
Il-Fanal ta’ Dellimara: punt ta’ referenza għall-baħħara fix-Xlokk ta’ Malta

Għandna wieħed f’Malta u l-ieħor f’Għawdex. Huma tnejn il-fanali li għandna fuq binjiet li jixbhu ħafna lil xulxin. Sa ftit aktar minn 30 sena ilu, meta f’Dellimara ma kienx hemm iċ-ċmieni tal-power stations, il-fanal kien l-ogħla struttura li tixref waħidha fil-ponta tax-Xlokk tal-Gżejjer Maltin. Il-binja tal-fanal għadha hemm u minkejja li m’għadhiex taqdi l-funzjoni għal xiex inbniet, għandha bosta oġġetti ta’ valur.

Mibni mill-Ingliżi fis-seklu 19, għal snin twal il-Fanal ta’ Dellimara serva bħala punt ta’ referenza għall-baħħara u s-sajjieda fix-Xlokk ta’ Malta.

“Dak iż-żmien ma kienx hawn mobiles. Allura kien importanti jekk xi ħadd jara l-art mhux biss ikun jaf li qiegħed viċin l-art imma jkun jaf li qiegħed Malta u li qiegħed fil-Ponta ta’ Dellimara. Fil-fatt aħna naħsbu li l-kelma Dellimara ġejja mill-kliem Dejr l-Imnara li tfisser id-Dar tad-Dawl,” qal Stanley Farrugia Randon, volontier minn Din l-Art Ħelwa.

Il-Fanal ta’ Dellimara beda jitħaddem 165 sena ilu. Dak iż-żmien kien mgħammar bi tlitt iftieli li l-fjammi tagħhom kienu jirriflettu fuq lenti li kienet twassal ir-raġġi tad-dawl sa mili ‘l bogħod. Din il-lenti għandha preġju kbir għax hi unika f’Malta.

“Dan il-Franċiż Fresnel ivvinta sensiela ta’ priżmi li bihom seta’ juża priżmi żgħar biex joħloq dawl ikbar. Allura ma kienx hemm bżonn lenti enormi biex ikun jista’ jipproġetta dan id-dawl għal 20 mil ‘il bogħod,” kompla s-Sur Farrugia Randon.

Bil-ħġieġ bojod u ħomor, il-lenti tpoġġiet fuq mejda li titħaddem bil-ħabel. L-istess bħall-arloġġi antiki.

“Dak kien ikun riesaq lejn hawnhekk, kull 30 sekonda jara dawl abjad u 30 sekonda oħra jara dawl aħmar u b’hekk seta’ jinduna li qiegħed Malta u mhux Malta biss imma Dellimara wkoll,” qal Stanley Farrugia Randon.

Billi mal-ġurnata d-dawl ma kienx jidher, it-turretta nżebgħet b’faxxi bojod u suwed. Fit-turretta, kien jgħix il-gwardjan li kien jara li kollox miexi ħarir.

“Jara li s-sistema tal-lanterna hux taħdem sew. Jekk ma kinitx taħdem sew kien ikollu forsi jżid il-pitrolju, forsi l-ftila kellha tinbidel, forsi l-arloġġ sintendi kellu bżonn il-ħabel, forsi l-ħabel ma kienx qed jaħdem sew,” kompla is-Sur Farrugia Randon.

Fil-bidu ta’ dan is-seklu, id-dawl b’sinjal għall-bastimenti beda jinxtegħel minn binja tal-Forzi Armati biswit il-Fanal ta’ Dellimara. L-għaqda Din l-Art Ħelwa ilha mill-2005 tieħu ħsieb dan il-wirt storiku li rrestawrat ħames snin ilu u biddlet il-kmamar tal-gwardjani f’akkomodazzjoni turistika.