Qorti
“Il-fdalijiet ta’ binti nstabu l-għada li żort il-qabar ta’ Kristu” – missier Charlene Farrugia

Missier Charlene Farrugia, John Farrugia xehed li l-fdalijiet ta’ bintu nstabu l-għada li hu kien żar il-qabar ta’ Kristu fl-Art Imqaddsa.

Irrakkonta kif f’Lulju tas-sena l-oħra żar l-Art Imqaddsa mal-Arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ u mar jitlob fuq il-Qabar ta’ Kristu. Fil-Qorti, is-Sur Farrugia xehed li dak il-ħin ħass dehxa kbira u beda jitlob bil-qawwa biex jinstab il-katavru ta’ bintu.

Irrimarka li l-għada, fuq l-ajruplan fi triqtu lura lejn Malta, l-Arċipriet Dun Daniel Cardona għarrfu li l-fdalijiet ta’ bintu nstabu f’daħla f’sur fil-Belt taħt ir-riħ tal-lukanda Phoenicia.

Is-Sur Farrugia xehed permezz ta’ video conferencing quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia li kompliet tisma’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ ta’ John Paul Woods li qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ Charlene Farrugia u li ħeba l-katavru tagħha.

Woods kien wieġeb mhux ħati għall-akkużi u baqa’ miżmum arrestat il-ħabs fejn qed jiskonta sentenza fuq serq. Il-fdalijiet ta’ Charlene, li kienet ilha rrapportata nieqsa 12-il sena ilu, instabu s-sena l-oħra f’daħla f’sur fil-Belt taħt ir-riħ tal-lukanda Phoenicia.

Is-Sur Farrugia qal li bintu kienet telqet mid-dar u marret tgħix f’appartament f’Buġibba mas-sieħeb tagħha Jonathan Attard magħruf bħala Harry Potter. Charlene Farrugia kienet tieħu ħsieb ulied is-sieħeb tagħha.

Missierha stqarr li darba ċemplitlu bintu għax kienu arrestaw lilha u s-sieħeb tagħha u qaltlu biex jara kif se jagħmel ħalli joħorġu bi pleġġ. Fil-Qorti, missierha xehed li rrifjuta li jagħtiha l-flus għall-pleġġ.

Mistoqsi mill-avukat difensur Roberta Bonello jekk kienx jaf dwar oħt Jonathan, Abigail u t-Tito, is-Sur Farrugia qal li lil Abigail kien jafha għax kienet issemmiha bintu. Qal li t-Tito ma kienx jaf min hu u qatt ma’ sema bih sakemm kienu marru jagħmlu rapport l-għassa tal-Qawra dwar l-għejbien ta’ bintu.

Xehed li flimkien ma’ martu marru jfittxu lil binthom għax l-aħħar li kien raha kien sid ħanut tal-merċa fil-Qawra. Qal li lanqas il-karozza ta’ Charlene ma setgħu isibu. Emozzjonat, is-Sur Farrugia stqarr li saħħet martu bdiet sejra lura meta binthom kien irrapportata nieqsa. Martu mietet fl-2011.

Fis-seduta, xehed ukoll l-Ispettur Jonathan Ransley li qal li għall-bidu, Woods ried jerfa’ l-piż tad-delitt kollu waħdu għax kien stqarr miegħu li hu ta’ periklu għas-soċjetà. L-Ispettur Ransley iżda qal li wara li saru iktar interrogazzjonijiet, Woods implika fid-delitt lil Jesmond Cassar magħruf bħala ‘it-Tito’.

Fil-Qorti, l-Ispettur Ransley qal li l-Pulizija hi konvinta li hemm id oħra fl-omiċidju u l-investigazzjonijiet fuq l-involviment tat-Tito għadhom għaddejjin.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Mistoqsija dwar jekk trabi għandhomx jitlibbsu maskri, Prof Gauci qalet li tfal taħt 3 snin m’għandhomx jitlibbsu l-maskra għax din tista’ tkun ta’ periklu għalihom. Dan qalitu meta kienet qed…

COVID-19

Il-Partit Nazzjonalista qal li jinsab infurmat li l-kumpanija Gozo Channel għad m’għandhiex sistema adegwata biex tara li fuq il-vapuri u fit-terminals, il-passiġġieri josservaw il-miżuri ta’ prevenzjoni mill-COVID-19 li ħabbar il-Gvern…

Kultura

Minn issa ‘l quddiem waħda mill-isbaħ xeni tal-Port il-Kbir tista’ titgawda minn fuq il-bejt ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt. Dan hekk kif fi tmiem il-ġimgħa saret l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett…

COVID-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li minn meta daħal fis-seħħ l-avviż legali l-ġimgħa li għaddiet, diġà nħarġu ħames multi ta’ €3,000 ‘l waħda għal organizzaturi ta’ attivitajiet, restoranti…

Aktar